Kif nistgħu ninsew lill-artisti u mużiċisti minn Kantera? L-ewwel edizzjoni ta' Mużika Mużika kienet esperjenza pożittiva sal-aħħar, hekk kif klassifikar fit-tielet post. Għat-tieni darba l-grupp applika u għadda għal dan il-festival li ħa jsir f’Marzu li ġej. Ma’ Gwida.mt Kantera żvelaw dwar il-mużika tagħhom inġenerali, dwar l-esperjenza ta' sena ilu kif ukoll dwar il-kanzunetta ta' din is-sena.

Magħhom tkellimna dwar kif oriġina l-grupp Kantera, u ta’ min kienet l-idea ewlenija. “Bħala membri tal-band Kantera, konna nafu lil xulxin minn qabel ma ffurmat il-band għax ġieli ltqajna waqt gigs u kunċerti ma’ diversi bands lokali.” 

“George li huwa wieħed mill-imħuħ wara Kantera, kien jifforma parti minn diversi gruppi tal-folk Maltin u xtaq joħloq proġett b’ħoss Malti, b’differenza, u b’ġeneri differenti.” 

gf

Wara li George tkellem dwar l-idea mal-membri preżenti ta’ Kantera, kulħadd wera interess kbir biex jinħoloq dan il-proġett “bl-elementi tradizzjonali u moderni.” 

Kantera qalulna li din is-sena l-kanzunetta għandha l-ħoss tal-element Malti, iżda ħa jkun hemm xi differenzi kumparat ma’ sena ilu.

Qalulna wkoll dwar l-istrumenti li jiffurmaw il-band Kantera, li huma taħlita ta’ strumenti tradizzjonali u strumenti moderni. 

“Żafżafa, Flejguta, Accordion, Mandolina, kitarra Maltija, li huma strumenti tradizzjonali, u kif ukoll għandna strumenti moderni bħal aerophone, keyboards, electric bass guitar.” 

“L-istrumenti tradizzjonali ma tistax tgħid li huma purament Maltin għax huma strumenti tradizzjonali f’diversi pajjiżi oħra, imma aħna l-Maltin maż-żminijiet addattajniehom għalina wkoll.”

Minkejja li l-band Kantera magħmula minn disgħa membri, sitta minnhom se jkunu qed jipparteċipaw, biex jimxu skont ir-regolamenti tal-festival Mużika Mużika li jippermettu li jkunu sa massimu ta’ sitt membri.

Ikellmuna wkoll dwar ir-riżultat sabiħ li kisbu sena ilu, proprju meta ddebuttaw waqt l-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika, kif ukoll dwar ir-rispons tal-pubbliku.

“Is-sena li għaddiet kienet l-ewwel darba li tajna prestazzjoni fil-pubbliku proprju waqt Mużika Mużika. Għalhekk kien ta’ kuraġġ u sostenn kbir għalina li ngħatajna l-fiduċja anke tal-poplu u ġejna fit-tielet post.” 

gf

“Sinjal ċar li l-poplu għoġbu dan il-proġett bi stil Malti u jrid jisma’ aktar kanzunetti mingħandna. Grazzi anke għal dan is-sapport, din is-sena erġajna ħejjejna kanzunetta bi stil Malti imma b’differenza mis-sena l-oħra.”

Mal-grupp tkellimna dwar il-messaġġ tal-kanzunetta tagħhom. “Il-ħajja tal-lum mgħaġġla wisq u timponi fuqna li jkollna naħdmu bla waqfien biex ma naqgħux lura.”

“Naslu f’sitwazzjoni meta ninsew lilna nfusna u li fuq kollox, minbarra li naħdmu u nitħabtu, jeħtieġ ukoll li ngħixu. Tkun l’Hawn Għaddi hi sejħa biex kultant inwarrbu r-rutina mgħaġġla, nieqfu ftit u f’ambjent ta’ ħbiberija ingawdu ħajjitna.” 

“Il-ħajja sabiħa u rridu nsibu wkoll waqtiet li fihom nistrieħu. Inwarrbu l-mobile, mezz modern ta’ komunikazzjoni li qiegħed iġorrilna x-xogħol u l-ħsibijiet kull fejn inkunu, għal 24 siegħa kuljum.” 

Xi ħaġa interessanti li skoprejna hi li Kantera se jużaw anke idjomi Maltin magħrufa fil-kanzunetta.

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb