Il-Kaboċċ tista’ tgħid li kien wieħed minn dawk il-karattri li tul is-sena 2020 sar popolari u ġibed warajh numru ta’ ammiraturi. Ir-raġuni wara dan kienet waħda sempliċi. Hu u ommu għamlu numru ta’ filmati li nisslu tbissima fuq fomm dak li jkun.

Mhux hekk biss imma tul dan kollu hu beda sfida personali, biddel l-istil ta’ ħajja tiegħu, beda l-eżerċizzju bi sfida li jonqos mill-piż u jinsab miexi sew! It-trasformazzjoni wieħed ġa jista’ jaraha ċar. Dawn iż-żewġ aspetti, imħalltin mal-karattru simpatiku tiegħu żgur li għenu sabiex jiġbed tant simpatija.

X’kienet l-aqwa ħaġa li ġratlek tul is-sena 2020 u x’qed tistenna mis-sena 2021?

L-aqwa ħaġa li ġratli fl-2020 hija li sibt il-motivazjoni li nibda d-dieta u li neħħejt iktar minn 40 kilo! Nistenna illi l-2021 nilħaq il-weight goal tiegħi filwaqt li nagħfas iktar fuq weights training il-gym.

X’kienet l-aktar ħaġa ta’ sfida għalik fis-sena 2020? Għaliex?

L- iktar ħaġa li kienet ta’ sfida għalija fl-2020 hija li mhux qed inkun nista’ noħroġ f’postijiet li qabel kont niffrekwenta u nħossha bħala sfida għax jien bniedem li nħobb nagħmilha ma’ ħafna nies m’iniex bniedem li noqgħod id-dar jew li dejjem nagħmilha mal-istess grupp ta’ nies... inħobb insir naf nies ġodda.

Din is-sena tista’ tgħid li sirt wiċċ magħruf man-nies. Qatt kont tobsor li ħa tispiċċa popolari ma’ tant segwaċi? X’taħseb li wassal għal dan il-fatt?

Le, qatt ma kont nobsor illi ħa jkolli das-segwaċi kollha biss però minn hawn ngħid grazzi lilhom kollha talli baqgħu jsegwuni u naħseb li il-karattri li għanda jien u ommi u l-bond li għanda flimkien wassal għal dan.

Rajniek bi transformazzjoni totali tul dawn l-aħħar xhur. X’wassal għal din it-trasformazzjoni eżatt? Għidilna ftit kif wasalt s’hawn.

Ijja bħalissa għaddej minn trasformazzjoni fiżika bdejt mit-22 ta’ Mejju u s’issa inżilt 40 kilo. Kien hemm żmien fejn waqaft u żgarrajt imma erġajt sibt il-motivazzjoni biex inkompli l-mixja lejn il-ħolma tiegħi... li nkun bniedem iktar b’saħħti. Id-dieta bdejtha għax ma bdejx inħossni komdu bil-piż li tellajt 164 kilo. Kemm bħala saħħa, kif ukoll bħala dehra u anke biex issib ħwejjeġ jiġuk... wegħda imbagħad li tixtri jiġuk imma qatt ma kont narani pulit... fil-bidu kienet sforz kbir li naqta’ l-ikel u ċ-ċikkulata speċjalment imma b’dedikazzjoni bdejt innaqqas l-ikel u nżid it-training... nagħmel ħafna mixi kuljum, madwar 10 kilometri kuljum u ġieli naqsamhom filgħodu u filgħaxija.

Kien hemm xi ħaġa li tista’ tgħid is-sena 2020 għallmitek li ħa ġġorrha miegħek?

Is-sena 2020 għallmitni kemm hija importanti li nissoċjalizzaw man-nies u li ma rridux nieħdu l-affarijiet forgranted. Anke sempliċiment lil oħti ma nistax naraha ħlief bil-mobile u t-tifla t’oħti Thaiz insellmilha minn hawn u ngħidilha li nħobbha.... filli kienet dejjem magħna d-dar u miegħi nilagħbu u issa ili ma nara żmien.

Għandna nistennew aktar ċajt din is-sena mingħandek? Min ħa jkun il-vittma?

Iċ-ċajt mingħandi mhux ħa jonqos żgur la ma ommi u l-anqas mas-segwaċi tiegħi għax xi kultant inħobb nagħmilhom xi ċajta... u issa ħa jiżdied iċ-ċajt u l-videos tad-daħk għax ingħaqadna grupp ta’ tmien irġiel bl-għan li ndaħħku n-nies u semmejnieh CRAZY TEAM MALTA, morru sewguna.

Il-Kaboċċ jagħlaq billi jgħidi, “nibda biex nirringrazzja lilkom ta’ Gwida li jogħġobkom tagħmlu artikli dwari u dwar ix-xwejħa napprezza ħafna... u lill-qarreja tagħkom nixtieq ngħidilhom biex dejjem iżommu it-tbissimafuq wiċċhom u jkunu pożittivi iżjed... fl-aħħar u mhux l-inqas nixtieq li ssegwuni til kabocc u xwejha kemm biex tidħku naqra u kemm biex tkomplu taraw it-transformazjoni li qed nagħmel fid-dieta tieghi ... u għaliex le, jekk ikollkom bżonn issaqsu xi ħaġa jew naqra motivazzjoni ibagħtuli ukoll.”


Emil Calleja Bayliss