Il-kantant lokali, kok, preżentatur u rappreżentant għall-Malta fil-Eurovision 2012, Kurt Calleja, huwa wieħed mill-parteċipanti għall-festival Mużika Mużika f’Marzu li ġej. Kurt huwa artist ieħor li għandu esperjenza wiesgħa f'din l-industrija, iżda kellu emozzjonijiet differenti matul is-snin. Kellimna dwar dan u aktar waqt l-intervista li kellna miegħu. 

Ma' Kurt tkellimna dwar x'wassal biex jidħol ġo festival b'kanzunetta bil-Malti. "Is-sena l-oħra waqt li kont qed nara l-ewwel edizzjoni ta' Mużika Mużika hekk għidt: 'Xi ġmiel! Kemm għandna diski sbieħ! Kemm nixtieq qiegħed fuq dak il-palk!'"

Fil-fatt id-deċiżjoni li jikteb dil-kanzunetta bil-Malti ġrat b'mod spontanju! "Niftakar kont sejjer BBQ għand sħabi u fil-karozza bdejt insaffar melodija li għoġbitni u ma bdejtx nagħraf x'diska kienet. Tant għoġbitni dil-melodija li dort lura d-dar - xgħelt il-laptop u l-pjanu u bdejt nirrekordja."

Kurt ikompli jispjega dwar dan; “Ftit ġranet qabel iltqajt ma' koppja li ltaqgħu ħdax-il sena qabel - fi programm tad-droga; u dawn għamlu wens u kuraġġ b'xulxin. Wara li ħarġu mill-program baqgħu joħorġu flimkien u matul is-snin bdew familja sabiħa flimkien.

L-istorja tagħhom tassew ispiratni - tant li ma' din il-melodija ktibt l-istorja tagħhom; imma bl-Ingliż ma bdietx togħġobni. Iddeċidejt li nħarbex ftit versi bil-Malti u jien u nkantaha bdiet tqabbadni l-bard. Bqajt bqajt sakemm lestejtha - jiġifieri tistgħu timmaġinaw kemm wasalt tard il-BBQ."

gf

Kurt jgħid x'jaħseb dwar l-element ta' kompetizzjoni ġo festival, u jħoss li dan l-element hu parti mill-kultura tagħna l-Maltin. "Jien dejjem emmint li l-kompetizzjoni hija dejjem miegħek innifsek. X'ħa nagħmel illum biex inkun aħjar mill-bieraħ?

X'ħa nagħmel illum biex inkun mużiċist aħjar mill-bieraħ? X'ħa nagħmel illum biex inkun bniedem aħjar mill-bieraħ? Mill-bqija meta nkun qiegħed fuq il-palk - l-iskop tiegħi dejjem kien, għadu u jibqa' li NIEĦU GOST u NAGĦTI GOST!" 

Ilna ma narawh fix-xena tal-festivals lokali lil Kurt, u kellimna wkoll dwar il-bidla li seħħet fih minn meta rrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest għaxar snin ilu. Kurt għadda minn vjaġġ - b'ħafna tlajja' u nżul.

"Kien hemm ħafna mumenti wara l-Eurovision fejn ħassejtni naqta' qalbi mill-mużika u nkun irrid nieqaf imma umbagħad jiġri xi ħaġa bħal ma ġara fl-2016 - fejn intgħażilt għall-musical." Iżid jgħid dwar il-bidla mużikali fil-karriera tiegħu.

"Inbidel l-istil ta' mużika li nħobb nisma' u aktar u aktar l-istil li bih inkanta. Sirt napprezza ħafna iżjed dan ir-rigal li Alla għoġbu jagħtini u l-opportunitajiet li għandi fejn nuża l-mużika biex neleva okkażjoni jew anke biex nesprimi l-emozzjonijiet tiegħi stess."

F'ħajtu Kurt għandu aktar minn professjoni waħda, fosthom propjetarju ta' stabbiliment tal-ikel.  Staqsejnieh kif jirnexxielu jlaħħaq ma' kollox f'ħajtu.

"Darba smajt lil Tom Jones jgħid: "Find love in what you do and you'll never work a day in your life!" - meta tkun tħobb dak li qed tagħmel- u tagħmlu mill-qalb - tħossok qisek qas biss qed tmur għax-xogħol.

Kurt jgħid li kull ma jagħmel f'xogħlu, l-importanti għalih huwa li jkunu sodisfatti l-klijenti tiegħu, hemmhekk anke hu jħossu sodisfatt. "Biex nistrieħ, norqod normalment, imma nsib ukoll ħin għal mal-ġenituri, ħuti u n-neputijiet; insib ħin għall-ħbieb tiegħi, il-qari, l-eżerċizzju u talb, riflessjoni u meditazzjoni."

U xi ngħidu għal ħuh Kevin Paul? Kurt kellimna dwar ir-relazzjoni ta' bejniethom. "Jien segwejt mill-viċin il-vjaġġ ta' ħija u rajtu jikber mużikalment."

"Naturalment bħala bniedem - ċertu element ta' kompetizzjoni dejjem ikun hemm imma t-tnejn li aħna nemmnu u nħaddnu l-valur li dak li tagħti tirċievi, dak li tiżra taħsad - u allura speċjalment fejn tidħol il-mużika, it-tnejn dejjem infittxu l-opinjoni ta' xulxin u għalkemm spiss nargumentaw - nafu li dak li qed ngħidu lil xulxin ġej mill-qalb." 

gf

Kurt kellimna wkoll dwar il-vjaġġ tal-kanzunetta tiegħu Bla Tarf.  Fil-fatt skoprejna li kellha triq twila sakemm ġiet iffinalizzata.

"Id-dar għamilt ħames verżjonijet differenti ta' Bla Tarf - kollha bl-elementi uniċi tagħhom - waħda stil rock, l-oħra aktar pop ballad, għamilt verżjoni li kienet daqsxejn aktar movimentata u tnejn oħra li kienu ftit ħallata ballata."

"Meta mort l-istudio u bdejt niddiskuti ma' Peter Borg u Aleandro Spiteri Monsigneur xi xtaqt - dawn il-verżjonijiet servew ta' mood board- tant li bdejna naqbdu elementi minn kollha u naraw x'jaħdem.

"Il-gwida li imbaghad irċevejt mingħand dawn iż-żewġ mużiċisti bravi wassal biex il-melodija finali u l-arranġamenti mużikali ta' Bla Tarf jieħdu spinta 'l fuq." 

"Il-proċess kien sabiħ u naturali, u kuntent ħafna bil-prodott finali. Nittama li tilqgugħha f'qalbkom bħalma lqajtu diski oħrajn tiegħi u ta' sħabi."

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb