Il-paġna Ftit Minn Kollox qassmet storja ta' persuna li fil-parking tax-xogħol, hi u miexja lejn il-karozza, sabet €50 mal-art.
"Ġbartha niġri, u qist ruħi vera ffurtunat dakinhar. Imma mbagħad ħsibt fil-persuna li kienet tilfet dawk il-flus. U għedt bejni u bejn ruħi: 'Ma naħsibx li x-xorti tiegħi għandha tiddependi mill-isfortuna ta’ xi ħaddieħor, speċjalment jekk din il-persuna kellha bżonn dawn il-flus.'"
Il-kuxjenza ħadmet sew f'dan il-proxxmu, għax bejnu u bejn ruħu qal, "Imbagħad ftakart f'episodu minn tfuliti... meta darba ommi ġiet id-dar inkwetata għax kienet tilfet ġimgħa paga u ma sabithiex. L-għada niftakarha ssemmi li l-kollegi tagħha tant tħassruha li ngħaqdu flimkien biex jiġbrulha dik is-somma u tawhielha."
In-narratur tal-istorja jgħid li baqa' jaħseb u spiċċa biex ra kif għamel u sab min jista' jkun li tilef dik il-karta tal-flus. Staqsi minn hawn, staqsi minn hemm, skopra.
"Eventwalment, irnexxieli nsib lil dik il-persuna. Qaltli li kienet iddisprata, għax dawk il-flus kienu meħtieġa biex jinxtara l-ikel bażiku għal tmiem il-ġimgħa. Żewġha jinsab bla xogħol, u 50 ewro għalihom tiswa fuq li tiswa. Ma setgħatx temmen li xi ħadd irritornalha l-flus, u ma waqfitx tirringrazzjani."
Fiha x'tomgħod din l-istorja! Kieku int taħseb li tirraġuna bħal dan il-proxxmu?