In-nutar Mariella Mizzi ta' sikwit tikteb fuq suġġetti varji biex tgħid dak li tħoss. Il-ħsieb illum tagħha mar fuq is-sitwazzjoni tal-għarajjes preżenti. Staqsiet lilha nnifisha kieku x'tagħmel f'sitwazzjoni bħal din.

Mariella tagħmilha ċara li bl-ebda mod ma trid tindaħal u "kulħadd jista' jagħmel li jrid". "Kieku jien kont se niżżewweġ dalwaqt żgur ma nippjanax festi" tgħid Mariella. Iżżid tgħid ukoll li... "Festa tista' tagħmilha meta trid, f'anniversarju, fit-twelid ta' tarbija ... meta tkun moħħok trankwill. Jekk veru l-iskop ta' kollox hija l-unjoni ta' bejn il-koppja, mela kieku jien inkompli bil-pjanijiet, iva, imma taż-żwieġ, mhux tal-festa tat-tieġ".

Mariella ssemi wkoll it-tieġ tagħha li kien differenti mil-lum il-ġurnata. "Aħna wkoll kellna tieġ, u kien tieġ li għamilnieh sal-mezzi li kellna dakinhar, mhux iktar. Illum fadalli r-ritratti, il-filmat, u ftit memorji ħelwin. Imma dak li jgħodd illum la huma r-ritratti, la huwa l-filmat, u lanqas il-memorji. Dak li jgħodd illum huwa li jien u żewġi dħalna għalih lesti u determinati li nqattgħu ħajjitna flimkien, u nikkumbattu mal-ħajja flimkien, tiġi kif tiġi, l-aqwa li nkunu flimkien".

Sabiħ li wieħed jiżen kollox! 


Anthony Baldacchino