Lil Kevin Paul imdorrijin narawh bil-kitarra jkanta, iżda fil-vidjow mużikali tiegħu l-kitarra ma tfaċċatx. Kevin jgħidilna li l-aktar 3 mistoqsijiet li jsaqsuh huwa; fuq il-kanzunetti u l-mużika tiegħu! Jekk joħroġx ma’ Gaia! U fuq l-isfidi li għandu ma’ rowen... Kevin ġej minn familja mimlija kantanti, fostom ħuh Kurt Calleja u zijuh William Mangion!
William Mangion jiġi zijuk, x’inhi r-relazzjoni tagħkom? Ġieli daqqejtu flimkien?
William jgħinni ħafna! Għalkemm ma nitkellmux kuljum, jagħtina ħafna feedback fuq dak li qed nagħmlu. Jgħidlek proset u jissaportjak. Ħafna drabi joffrili mmur għandu biex jgħinni fuq affarijiet mużikali. Nammiraħ ħafna lilu! Ġieli daqqejna flimkien iva. Daqqejt, qatt ma kantajt. Konna fuq l-istess palk indoqqu l-kitarra u jkanta hu.
Kif bdejt fil-mużika?
Jien kont nattendi l-iskola ta’ Sant’Agata, ir-Rabat. Minn hemm beda kollox. Kien Fr Karm DeBattista, kien hu li ħeġġiġni li ndoqq il-kitarra quddiem in-nies. Kont ngħidlu ‘le’ u kien jibqa’ jippersisti. Ftit ilu ċempiltlu u rringrazzjajtu ta’ kemm għamel miegħi! Hu kien jemmen fija u jien kont nistħi. Jien kont nitgħallem il-kitarra mill-komunità tan-Neo Katokumenali u mingħand Fr Karm. Imma Fr Karm kien l-ewwel persuna li ħeġġini nkanta u bdejt fil-quddies.
Ma kellix idea ta’ mużika, kont nara lil ħija jkanta biss. Meta ħija kien ikanta d-dar, kien dejjem isaqsini għall-parir. Għalkemm ma kontx indoqq strument jew inkanta, xorta kien irrid il-parir tiegħi. Kurt kien iħoss li kelli kapaċitajiet fil-mużika.
Meta dħalt Sant’Agata, l-ewwel mistoqsija li staqsa Fr. Karm kienet “Hawn xi ħadd jdoqq instrument?”, niftakar kien filgħodu u jien ta’ prużuntuż għollejt subgħaja. Fil-verità ma kont naf indoqq xejn! Għedtlu naf indoqq id-drums! Fr Karm qalli narak fil-brejk ħalli nisimgħak. Mort u bdejt indoqq, u mill-ewwel qalli ‘int ma tafx idoqq, hux vera?’. Però qalli ukoll, ‘għalkemm naf li ma tippratikax, qed nifhem xi ħaġa fik, nifhem li għandek sens ta’ ritmu’. Bdejt nipprattika u dħalt fl-orkestra tal-iskola ndoqq id-drums. Biex nifthemu ma kontx xi drummer stilla imma dak kien l-ewwel strument.
Għidilna għalfejn ftit ilu bdejt twaqqaf lin-nies f’Paceville?
Bażikament, f’Paceville ftit ġranet qabel ħarġet id-diska tiegħi I.D.W.K, kien hemm reklam tal-vidjow mużikali fuq barra ta’ stabbiliment. Dawn għamlu r-reklam fuq il-billboard tagħhom u jien kont għaddej. Jien inħobb nidħaq ħafna u nieħu pjaċir u jekk jista’ jkun jidħaq ħaddieħor miegħi mingħajr ma nweġġa' lil ħadd. Bdejt ngħidlhom “It’s me! It’s me”, u ma bdewx jemmnuni li kont jien! Ma beda jemmini ħadd! Ħlief l-aħħar grupp emmnuni! Vera dħaqt!
I.D.W.K kif sejra?
Thank God, id-diska sejra tajjeb ħafna, naħseb qabżet l-aspetazzjonijiet tiegħi. Meta tikteb diska l-interess tiegħek primarjament huwa li tesprimi ruħek, kull ħaġa li tiġri wara hija bonus. Nesprimi ruħi u jekk in-nies jirrelataw magħha aħjar!
Il-messaġġ tal-kanzunetta għalkemm tagħtik impressjona li jiena persuna li ma rridx naf bik, itlaq 'l hemm etċ... Mhux dak il-messaġġ li ppruvajt ngħaddi! Fil-verità, d-diska titkellem fuq persuna li kienet x’kienet ir-relazzjoni, ħbiberija, sitwazzjoni f’ħajtek illi inti tħossok illi tajt kemm stajt, ħabbejt lill-persuna u ppruvajt tkun hemm għaliha, bil-mod tiegħek. Għax kulħadd għandu l-mod tiegħu. Din il-persuna minkejja l-isforz kollu ma tkunx apprezzata. Dak kollu li qed tagħmel hu għal xejn. Tasal f’punt fejn tgħid, “Isma’, I don’t want to know about whatever...”. Mhux għax ma jinteressakx imma għax nixtieq nibża' għalija nnifsi.
Imma din ktibtha għal xi ħadd?
Ktibtha fuq esperjenza li għaddejt minnha.
Kieku għandek għażla ta’ xi ħaġa li ma tridx tkun taf xi tkun?
L-aktar ġurnata li tbeżża’ lili hija li xi ħadd mill-familja tiegħi, ma jibqax magħna. Meta noqgħod naħseb fuqha, niġġennen! Ġieli naqbad nibki. Nipprova nagħti daqqa lili nnifsi biex niġi f’sensija. Aħna familja close ħafna. Darba fil-ġimgħa niltaqgħu, iċempel lil ħuti, ngħix ma’ ommi u missieri. Nibagħtu u nitkellmu kuljum. Il-familja għalija għandha valur kbir, l-isbaħ ħaġa li teżisti.
L-isbaħ esperjenza tas-sajf 2k19?
Is-sajf għalija kemm ilni naħdem u ndoqq, is-sajf dejjem ikun esperjenza sabiħa. Però, s’issa dan is-sajf l-isbaħ esperjenza kienet il-Beer Fest u kelli l-esperjenza ta’ ħafna gigs. Dan is-sajf ktibt diska għal Gaia. Kantatha fl-Isle of MTV u jisimha ‘Why Should I’. Kanzunetta li ktibt jiena, l-kliem u l-melodija tal-kant u l-mużika għamilha Siconix li għamel ‘I.D.W.K’. Hi kontinwazzjoni ta’ I.D.W.K. Kanzunetti differenti imma għandhom kunċett simili. Waħda mill-perspettiva ta’ ġuvni u l-oħra minn perspettiva tat-tfajla.
Agħtini l-kitarra u nkun orrajt imma tgħidlix biex niżfen. Ma tafx tiżfen?
Iż-żfin ma jiġinix naturali jew forsi hija biss ħsieb ta’ moħħi. Nieħu pjaċir niżfen imma jekk inkun naf x’jien nagħmel. Għedtha dik meta ħriġt il-vidjow mużikali għax in-nies li jafuni dejjem rawni bil-kitarra u biex inkun onest xtaqt ngħati sfida lili nnifsi. Xi ħaġa differenti. Kienet sfida mhux ħażin għax f’dan il-vidjow il-kitarra ma tidher imkien. Kienet xi ħaġa differenti li kelli naddatta. Ma stajtx nistaħba imma kelli noħroġ espressjonijiet, nirreċta, kelli niżfen...
L-itqal ħaġa fil-vidjow mużikali x’kienet?
Bla dubju ix-xena tal-ilma! L-ilma kien friżżat! Dak iffilmjajnieh f’Marzu. Jien u Sarah, it-tfajla li kien hemm fil-vidjow ksaħħna. Ġol-ilma spiċċajna, nitgħannqu biex inħossu s-sħana ta’ xulxin. Tant kien kiesaħ li ma stajtx ngħajjat. Kelli xena aggressiva, il-pulmun, ma ħallinix nagħmilha!
Għamilt dwett ma’ ħuk u Gaia! Liema minn dawn tippreferi?
Żomm għax iġġellidni ma’ ħija! Inħobbhom it-tnejn. Jien u Kurt ilna ħafna ndoqqu flimkien u miegħu dejjem nieħdu pjaċir. Nikkomunikaw, għandna ċertu relazzjoni li niftemu. Jekk qedgħin tieġ u qed indoqqu ngħidlu issa jmiss din. Allura li jiġri ngħażel id-diska, ngħidlu ‘Hit it’ u jaqbad ikanta u jitkellem man-nies. Ma’ Kurt mhux dwett imma aktar bhala duo. Nikkumplimentaw lil xulxin. Mentri ma’ Gaia, jkun dwett proprju. Nieħu pjaċir ħafna nkanta ma’ Gaia għandna chemistry tajba wkoll. Vera naqblu.
X’hemm bejnek u bejn Luke Chappell?
Aħna close ħafna, nikkuntatjaw lil xulxin. Ir-raġuni hi, peress li naħdmu f’din l-industrija, ma naħdmux ma’ kumpanija fejn tmur ix-xogħol filgħodu u għandek il-kollegi. Allura fir-realtà, l-kollegi tiegħi huma nies bhali. Għandna din ir-relazzjoni li qedgħin fl-istess ħaġa u nistgħu nitkellmu u nifmu lil xulxin. Naqsmu l-ideat. Ktibna kanzunetta flimkien imma għadna ma nafux meta se ssir.
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.
Clint Gerard Attard