Kellymni: Episodju 23 – Angie Laus
“Kont naf li n-nies ħa jgergru mingħajr udjenza...imma toħodha bħala sfida”
50 minuta
Melanie Kelly titkellem ma' Angie Laus dwar diversi aspetti mill-ħajja tagħha, titkellem dwar ix-xogħol, il-missjoni, l-imħabba lejn il-Eurovision, il-problemi tas-saħħa li għaddiet minnhom u kif rebħet fuq ċerti sfidi. Angie titkellem tassew b'onestà dwar dak li għaddiet minnu tul is-snin, fejn anke spiċċat fil-mira ta' kummenti ħorox u xejn sbieħ fil-konfront tagħha minn nies li ma tafhomx.
Angie tirrakkonta l-weġgħat li għaddiet minnhom minħabba l-missjoni, iżda l-weġgħat kienu sforz l-imħabba kbira li kienet qed toffri. Weġgħat li tgħallmet minnhom u tipprova taqsam l-esperjenzi tagħha sabiex kull min hu mħajjar għal din il-missjoni, jitgħallem hu wkoll. Temmen li l-missjoni hi xi ħaġa li kull bniedem għandu jesperjenza minħabba li tkabbrek bħala persuna.
Hi titkellem dwar l-imħabba li għandha lejn il-Eurovision u kif dejjem kienet il-ħolma tagħha li tippreżenta dan l-ispettaklu. Ħolma li dawk qribha kienu jafu kemm kienet tixtieqha u tistqarr li meta tista' tgħid qatgħet qalbha li kapaċi ssir reali, din il-ħolma saret realtà. Hi titkellem dwar il-festival lokali u l-fatt li kulħadd kellu xi ħaġa xi jgħid minħabba li ma kienx hemm udjenza.
Grazzi għal Kellymni ħa taraw lil Angie f'lenti differenti minn kif tafuha ssoltu. Ħa tapprezzaw il-ġenwintà tagħha u l-karattru mill-isbaħ tagħha. Nemmnu li permezz ta’ Kellymni se jkollhom iċ-ċans li ssiru tafu lil Angie aħjar.