Shelly Dimech hija tfajla determinata ta’ 28 sena, analista fil-laboratorju fl-industrija tal-farmaċewtika, titrenja u tipparteċipa f’bosta kompetizzjonijiet u bħalissa għaddejja wkoll bl-istudji tagħha speċjalizzati fuq l-enġinerija u l-kimika wara l-ħin tax-xogħol tagħha. Din taqsam magħna l-istorja ta’ persuna tant għażiża għaliha, li allavolja ħallietna 17-il sena ilu, xorta għadha f’qalbha daqs li kieku għadha preżenti, il-mama tagħha.
Marthese twieldet fit-12 ta’ Jannar, 1964. Din kellha biss 39 meta sfortunatament intemmet ħajjitha ħesrem.
Kliem Shelly huma,“Kelli biss 10 snin meta ommi ħalliet lili u lil missieri weħidna f’din id-dinja. Kellha ħarsa kienet tisraqlek qalbek. Dak iż-żmien kont għadni wisq żgħira biex nifhem eżatt x’għandha. Kien moħħni fl-eżamijiet ta’ tifla li kont, għalkemm hi kienet l-isptar f’qiegħ ta’ sodda, muġugħha bil-kanċer. Ma kontx qed immur naraha sabiex nistudja iżda xorta waħda kont nara kif nista’ nipprova nagħmilha kuntenta.”
Shelly tgħidilna li tiftakar li rċeviet telefonata s-Sibt stess mingħand missierha jgħidilha li jixtieq ikellimha. Jipprova jispjegalha li għandha dudu u qed jiekolha minn ġewwa.“Pa, ġimgħa oħra għandi għeluq snini taħseb li jilħaq jiekolha?” kienet ir-risposta innoċenti ta’ tifla li hi.“Wara din il-ġurnata ommi biddlet l-atteġjament tagħhna magħna. Qabel titlaq tgħidli, binti jien inħobbok ħafna u l-pa mhux ħa jħallik waħdek, qatt u żgur. “Kliem ommha ħawwadha u staqsiet magħha nnifisha għaliex kienet qed tgħidilha hekk.
Hekk kif sebaħ il-jum tal-Ħadd nirċievu telefonata b’aħbar kerha, ommi kienet tinsab fi stat kritiku. Sakemm jaslu l-isptar sfortunatament Marthese tkun laħqet mietet.
“Ma ninsa qatt dak il-jum meta nara lil ommi mixħuta fis-sodda, nipprova nkellimha u hi ma tirrispondinix lura.”
"Batejt ħafna minħabba n-nuqqas ta’ ommi iżda minn din is-sitwazzjoni kollha xorta nipprova nara s-sabiħ. Kieku m’hinix il-mara indipendenti li jiena llum. Bqajt nistudja u nagħmel dawk l-affarijiet kollha li jagħmluni kuntenta. Għalkemm hi mhux qiegħda preżenti fiżikament, xorta waħda qed tara kif qed tagħmel u tiġbidli widnejja meta jkun hemm bżonn.”
Shelly tgħidilna li ma kinitx faċli għaliex filwaqt li kompliet l-iskola, kellha titgħallem tieħu ħsieb id-dar, tieħu ħsieb ukoll lil missierha,titrenja u xogħol. Fuq il-post tax-xogħol tagħha sabet it-tieni familja tagħha.
“Qatt taqtgħu qalkbom minn l-ebda sitwazzjoni, il-ħajja kollha tlajja’ u nżul imma trid tkun int biex tiġġildilha. Ħajja waħda għandna, għix kuntent għaliex il-kuntentizza hija l-isbaħ rigal li qatt tista’ tagħti u taqla’.”
Facebook / Shelly Dimech