Għat-tieni darba konsekuttiva ser inkunu qed naraw lil Franklin Calleja jipparteċipa fil-festival Mużika Mużika li ħa jsir f’Marzu li ġej. Franklin tkellem ma’ Gwida.mt dwar l-esperjenza tiegħu kemm qabel il-parteċipazzjoni kif ukoll dak li hemm qed jitħejja.

Lil dan l-artist rajnieh f’għadd ta’ festivals u avvenimenti mużikali. Staqsejnieh liema jqis bħala l-aqwa esperjenza minnhom kollha. “Waħda mil-iktar drabi li ħassejt sodisfazzjon kbir kienet is-sena 2016 meta gejt fit-tielet post fil-Malta Eurovision Song Contest. Ħassejt li kienet kompetizzjoni iebsa dik is-sena, u kienet esperjenza fejn tgħallimt li m’għandi naqta’ qalbi qatt.” 

Għal xi żmien, Franklin ħass li għandu jieħu pawża mix-xena lokali. Ċertament li din inħasset mill-pubbliku u wisq aktar minnu. X’wassal għal dan? “Kien hemm mumenti fejn kont qed ngħaddi minn perjodu ftit imqalleb, u ddeċidejt li nieqaf għal ftit żmien. Ovvjament ma kienet faċli xejn, għax il-karriera hija l-mimmi t’għajnejja.” 

“Kelli bżonn nieqaf, u nara x’inhu għaddej madwari u kif ser nagħmel biex inkun aħjar.” U x’ingħidu għal-lingwa Maltija fir-ripertorju ta’ Franklin? “Is-sena L-oħra kienet l-ewwel darba illi kantajt ġo festival b’kanzunetta Maltija, u wkoll l-ewwel kanzunetta bil-Malti tiegħi. Il-lingwa tagħna hija wahda partikolari, togħġobni mmens” 

Franklin jgħidilna li minn dejjem xtaqt illi jkollu kanzunetta bl-ilsien Malti. Fil-fatt din hi t-tieni darba li se jkun qed jikkompeti b’kanzunetta Maltija. “Ovvjament għandi kanzunetta oħra bil-Malti li nħadmet mil-bravi Emil Calleja Bayliss, kif ukoll Cyprian Cassar, għal Mużika Mużika ta’ din is-sena.”

Il-kantant kellimna wkoll dwar dak li għandna nistennew mingħandu f’Marzu li ġej u kif qed jipprepara għaliha. “Fejn tidhol il-vuċi tiegħi nammetti li għandi ċertu dixxiplina miegħi innifsi, biex kemm jista’ jkun inżommha kif suppost.” 

“Nemmen li fl-edizzjoni ta’ din is-sena bil-kanzunetta Wennisni ser nuri ftit akrobazija mhux ħażin (f’sens ta’ noti, ma nagħmilx ġimnastika!) Kanzunetta għal qalbi immens u nemmen ħafna fiha.” 

Ikellimna dwar il-kanzunetta Wennisni. “Waqt li nkanta Wennisni nħoss ċertu serenità u paċi miegħi innifsi. Inħoss ukoll li qed nuri xi ħaġa differenti vokalment u biha qed inwassal messaġġ onest u li ġej mill-qalb li żgur ħa jmiss ħafna u ħafna qlub.”

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb