Nhar is-Sibt li għadda, l-organizzatur tal-isfilati tal-moda Ivan Gaffiero, ħoloq spettaklu li fih ħadu sehem 40 mudell u mudella inkluż 3 bid-down syndrome. Dawn kienu Charline ta’ 26 sena u ċ-ċkejknin Ella u Francesca.

Gwida.mt tkellem ma’ Ivan, fejn qalilna:

''Minn meta bdejt 25 sena ilu kellhi pjan f'ħajti li noffri opportunita’ lil kulħadd, nies ta’ kull eta’, nies b’diżabilita', nies b’down syndrome, nies ta’ figura qawwija, trans u kull persuna oħra.

Għalija nħoss li kull persuna li tixtieq titla fuq il-passarella, naċettaha, għax la tixtieq tagħmel dan, sinjal li tħossa kuntenta.''

Meta mistoqsi dwar il-perċezzjoni tal-pubbliku dwar dan hu stqarr li jaħseb li wara x-xogħol li qed isir bħalissa, in-nies qiegħda taċċetta lil dawn in-nies, tħobbom u trid tarahom kuntenti.

Waqt l-isfilata ta’ nhar is-Sibt, kien hemm 40 finalista, iżda Ivan qalilna li l-akbar ċapċip kienu għal Charline, Ella u Francesca, tlett mudelli bid-down syndrome.

Ivan jagħlaq billi jgħidilna li f’moħħu għandu ħolma sabiex joħloq spettaklu kbir f’forma ta’ gala night, li jinkludi fih l-aqwa artisti Maltin flimkien ma’ mudelli bid-down syndrome.

Facebook / @gaffiero


Luke Borg