Lil Keith Demicoli issa drajnih sew li hu sinonimu mal-ġurnaliżmu, iwasslilna l-aħbar b'mod mill-aktar professjonali, f’din l-intervista nsiru nafu aktar dwaru mill-aspett personali, partikolarment dwar ir-relazzjoni ta' bejnu u l-mara tiegħu Alexia. Keith u Alexia jirrakkuntaw l-istorja ta' kif iltaqgħu u kif bdiet ir-relazzjoni tagħhom, li minn dakinhar ma ħarsu lura qatt.

Keith, il-fatt ta' kif iltqajtu hu pjuttost interessanti u forsi mhux kif wieħed jistenna, għaliex fil-bidu int ippruvajt tagħmilha ta' ħuttab bejn Alexia u ħabib tiegħek. Għidilna aktar dwar dan.

F’Novembru tal-2005 ltqajt ma’ ħabiba tiegħi li nsertat kienet ma’ Alexia wara riċeviment tal-ġurnalisti. Ftit minuti wara kollega tiegħi fil-ġurnaliżmu saqsieni mmur fuq Alexia u ngħaddilu kelma! Alexia assertiva u ma tantx iddur mal-lewża. Qaltli minnufih li ma kinitx interessata. L-istorja waqfet hemm iżda ftit jiem wara erġajna ltqajna u Alexia kienet staqsitni ngħinha fil-karozza għax kienet qed ittiha problemi tmur lura d-dar. Kien hawn li tajna n-numri lil xulxin u kif waslet id-dar bagħtitli grazzi. Minn hemm bdejna nikkomunikaw aktar sikwit u fil-festa tal-Kunċizzjoni tal-2005 bdiet l-istorja ta’ mħabba li t-tnejn naħdmu qatigħ biex ma tintemm qatt.

X'kienet l-ewwel impressjoni li kellkom dwar xulxin?

Alexia: Fil-bidu li sirt naf lil Keith ma ħsibt fuq xejn għax jien tip ta’ persuna li nkellem lil kulħadd u ma nħalli xejn jinfluwenzali l-ġudizzju tiegħi. Wara ftit żmien l-umiltà u s-sinċerità tiegħu ħallew impatt fuqi.

Keith: Alexia hi attrajenti ħafna u meta rajtha l-ewwel darba qatt ma ħsibt li setgħet tkun tiegħi. Għadni s'issa naħseb ‘it’s too good to be true’.

Alexia, il-fatt li Keith kien missier kien ta' sfida għalik u għar-relazzjoni tagħkom?

Niftakar li fil-bidu meta konna għadna insiru nafu lil xulxin Keith kien qalli li ma setax jidħol f’relazzjoni għax kien missier. Issorprenda ruħu meta għidtlu li għalija ma kinitx problema. Għalija l-fatt li kien missier fissret li kien persuna responsabbli, sensittiv, li d-dinja ma ddurx miegħu biss u li għandu intelliġenza emozzjonali li fil-fehma tiegħi hi aktar importanti mill-intelliġenza intellettwali f’relazzjoni. Maż-żmien irrealizzajt li Keith kellu u għad għandu dawn il-kwalitajiet.

View this post on Instagram

A post shared by Keith Demicoli (@keithdemicoli) on

Naf li ma kienx hemm proponimenti taż-żwieġ, iżda kif kontu ddeċidejtu li timxu għall-pass tant importanti fir-relazzjoni tagħkom, dak taż-żwieġ?

Keith: Aħna ddeċidejna li niżżewġu b’mod każwali ħafna. Konna mistednin tieġ ta’ koppja ħbieb t’Alexia u waqt it-tieġ għamilna lejla sħiħa nanalizzaw ir-relazzjoni tagħna u rrealizzajna li kien wasal iż-żmien li neħduha f’livell ieħor. F’waqt minnhom Keith semma ż-żwieġ u t-tnejn lissinna “iva niżżewġu”. Mill-għada filgħodu bdejna bit-tħejjijiet!

Matul is-snin li ilkom miżżewġin, f'liema aspetti tħossu li ssaħħaħtu aktar?

It-tnejn bqajna ngħixu l-ħajja miżżewġa bl-istess entużjażmu u eċitament daqslikieku għadna qed nibdew noħorġu flimkien. Illum għadna nkunu ħerqana li mmorru nieħdu kafè flimkien, insiefru flimkien, naqraw flimkien, nagħmlu eżerċizzju fiżiku flimkien u fuq kollox li nikkomunikaw flimkien. Għalhekk issaħħaħna għax aċċettajna d-differenzi fil-karattri u l-personalitajiet tagħna waqt li bqajna nagħtu lilna nfusna lil xulxin kif effettivament wegħdna li nagħmlu fl-2011.

View this post on Instagram

A post shared by Keith Demicoli (@keithdemicoli) on

Bla dubju li għandkom ħajja ferm impenjata. Kif jirnexxilkom issibu bilanċ, u tinkludu ħin ta' kwalità flimkien kemm bħala koppja u kemm bħala familja flimkien mat-tifla?

Kollox jiddependi mill-kwalità mhux mill-kwantità. Din mhux clichè. Hemm differenza bejn tiekol flimkien madwar mejda bil-mobile f’idejk jew moħħok fit-TV flok tikkomunika dwar kif marret il-ġurnata. Ironikament kienet it-tifla Rianne li kienet tatna l-aħjar tagħlima dwarha din. Darba minnhom kienet ġibdet l-attenzjoni ta’ Keith fuq l-użu tal-mobile u minn hemm ‘il quddiem għamilnieha regola li kif inpoġġu mal-mejda ma jiġix magħna. Ir-regoli importanti ħafna fit-tisħiħ ta’ relazzjoni.

X'inhu dak li jżomm ir-relazzjoni tagħkom daqstant b'saħħitha?

Il-komunikazzjoni kruċjali u l-qofol ta’ kollox. Il-mument li ma tibqax titkellem u tesprimi dak li tħoss, tibda taħbi, tfittex il-wens ta’ ħaddieħor u possibilment tibda tisfaxxa r-relazzjoni. L-ebda relazzjoni ma tissaħħaħ f’hakka t’għajn. Irnexxilna niżviluppaw relazzjoni mibnija fuq il-fiduċja u l-imħabba għax sa mill-ewwel ġurnata li ltqajna aċċettajna d-differenzi fil-karattri u żammejna r-rispett u l-komunikazzjoni fiċ-ċentru tar-relazzjoni tagħna.

View this post on Instagram

A post shared by Keith Demicoli (@keithdemicoli) on

Keith, kif tiddeskrivi lil Alexia? U x'sehem għandha f'dak kollu li tagħmel fil-ħajja tiegħek?

Alexia għamlitni persuna aħjar u f’dak kollu li għamilt u għadni nagħmel sibtha spalla ma’ spalla miegħi mhux sempliċiment warajja. Ma stajtx insib aħjar. Qatt ma bsart li f’din id-dinja se nsib persuna li verament tinsa lilha nnifisha biex tagħtiha lil ħaddieħor bl-għemil u bil-fatti flok bil-kliem sabiħ. Għandha sens kbir ta’ altruwiżmu u mħabba. Mhux biss aċċettat li kont missier imma sa mill-ewwel ġurnata rat u ħadmet biex it-tifla tkun tassew prijorità f’ħajti u fir-relazzjoni tagħna.

Alexia, x'jogħġbok l-aktar f'Keith li jagħmluh ir-raġel ideali għalik?

Dak kollu li xtaqt f’raġel sibtu f’Keith. Huwa sinċier, umli, ġenwin, bla ħażen, qalbu tajba, ċajtier u nħaddnu l-istess valuri. Kburija li hu r-raġel tiegħi.

View this post on Instagram

A post shared by Keith Demicoli (@keithdemicoli) on

Min minnkom hu l-aktar romantiku? X'kien l-aktar ġest romantiku li qatt għamiltu lil xulxin s'issa?

Alexia: Jien, bla ebda dubju iżda Keith jaf jissorprendik meta l-anqas li tkun qed tistenna. Jien nikkuntenta ruħi b’sorpriżi u rigali żgħar. Darbtejn minnhom kien imsiefer f’Jum San Valentinu bla mistenni sibt il-ward ix-xogħol waqt li ħalla card mimlija kliem sabiħ taħt is-seat tal-karozza!

Keith: Kważi f’kull għeluq snini Alexia jirnexxilha tissorprendini b’xi sorpriża. Darbtejn minnhom taparsi se mmorru għal kafe l-ajruport u spiċċajna fuq ajruplan għal tliet ijiem l-Italja, pajjiż favorit tagħna t-tnejn. Tliet darbiet oħra organizzatli festin sorpriża! Kollha kienu speċjali.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / keithdemicoli


Roberta Magri