Karmen Azzopardi, tista' tgħid li hi leġġenda fit-teatru Malti, rajnieha fuq il-palk u fuq it-televiżjoni f'ħafna karattri. Angela Agius kellha l-opportunità li tintervistaha u Karmen qasmet magħha diversi fatti minn ħajjitha.
"L-ikbar skola hija meta ssib ruħek fuq il-palk, meta titla' fuq il-palk, inti, il-Mulej u l-udjenza." Tul il-karriera tagħha ħadmet tant u tant karattri... hi tgħid li ma kull play li tagħmel qisha qed tibda mill-bidu! Tistqarr li meta toħroġ fuq il-palk tinsa kollox, hi tgħid ma tirreċtax imma tistieden in-nies jingħaqdu magħha.
Ila tirreċta minn meta kellha 21 sena, illum Karmen Azzopardi għandha 86 sena, mhux ta' b'xejn tistqarr li għexet f'din l-arti. Trabbiet ġo familja reliġjuża u wkoll mużikali, kellha lil ommha li kienet iffisata fl-opri. Tant hu hekk li spiċċat rat diversi opri ma' ommha, il-kantanti Taljani kienu jagħmlu d-debutt tagħhom hawn Malta.
Karmen għexet fil-gwerra u tistqarr kif waħda miż-żewġ bombi li waqgħu ġo Ħal Balzan, waqgħet fil-ġnien tagħhom. F'din l-isplużżjoni kienet mietet iz-zija tagħha, Karmen tirrakonta li ma laħqitx daħlet fis-shelter u l-bomba waqgħet fuqha. Għoddu spiċċat soru... soru tal-klawsura.
Jekk Alla jrid, Karmen ħa tkun qed tagħmel ir-ritorn tagħha fuq il-palk, f'Mejju li ġej fi produzzjoni li qed tinħadem apposta għaliha. Sabiħ li naraw persuna bħal Karnen li sal-lum il-ġurnata, fl-età sabiħa ta' 86 sena l-imħabba lejn il-palk għadha hemm. Nawgurawlek l-isbaħ xewqat u saħħa Karmen, ħalli tpaxxina bit-talent sabiħ tiegħek.