Ilbieraħ filgħaxija, ittella' l-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2024, ċelebrazzjoni tal-Kanzunetta Maltija fejn rajna 20 kanzunetta jikkompetu sabiex jirbħu l-festival ta' din is-sena.

Ir-riżultat finali tas-serata kien magħmul minn 75% ġurija u 25% televoting. Il-ġurija kienet magħmula minn Robert Gee, Marilena Gauci, Manoel Pirotta, Marbeck Spiteri, Kevin Paul u Mike Spiteri.

Il-kompetizzjoni kienet waħda miftuħa iżda wara l-punti tal-ġurija kienet ovvja liem kienu l-iktar żewġ kanzunetti li niżlu tajjeb magħhom. Il-kanzunetta rebbieħa Nistħajlek Hawn ta' KAREI ġabet il-massimu minn ħames ġurati, filwaqt li l-ġurat l-ieħor ikklassifikaha fit-tieni post.

Il-kanzunetta Il-Ħtija Tagħna Lkoll ta' Kristy Spiteri spiċċat fit-tieni post tas-serata, kanzunetta li kellha kliem ta' Ritianne Frendo u mużika ta' David Joseph Sammut.

Filwaqt li l-kanzunetta Bizzilla ta' Enya Magri, li kellha mużika ta' Philip Vella u kliem ta' Emil Calleja Bayliss spiċċat fit-tielet post mill-ġurija esperta u rebħet ukoll il-vot tal-pubbliku.

Fatt interessanti hu li kemm KAREI u kemm Enya Magri, kienu qed jagħmlu d-debutt tagħhom f'dan il-festival lokali li ċertament ma kienx nieqes mill-kantanti stabbiliti u ta' stoffa li rajniehom f'diversi kompetizzjonijiet oħra.

Is-serata kienet immexxija minn Valerie Vella, Eileen Montesin u Christine Haber. F'isem it-tim ta' Gwida.mt, nawguraw lir-rebbieħa kollha. Nifirħu wkoll lil NET Media tal-ispettaklu li tellgħu.


Gwida.mt