Matul il-karriera tiegħu Matthew Sant Sultana interpreta diversi karattri, kemm fi drama u anke f’kummiedji fuq il-palk u fuq it-televixin. Dan tkellem magħna u żvela liem hu l-aktar karattru għal qalbu, x’jippreferi jekk hux it-teatru jew it-televixin u anke l-pjanijiet li għandu għall-2023.

X’ħajrek biex tibda l-karriera bħala attur?

Ma nafx eżatt x'ħajjarni biex nibda bħala attur imma li niftakar żgur, meta kont daqsxejn ta' tifel kont naffaxxina ruħu nara atturi Maltin f'xi serje televiżiv u għidt xi darba nixtieq inkun hemm, imma qabel ma kelli 16 qatt ma kont ħdimt fuqha essaċċ għas-sempliċi raġuni li kont fanatiku tal-futbol u l-fatt li kont nagħmel drama l-iskola qatt ma kont nemmen li kienet id-drama li vera xtaqt nagħmel la nikber.

Int ħdimt kemm fuq il-palk u anke fuq it-televixin. Liem tippreferi minnhom u għaliex?

It-tnejn jogħġbuni ħafna u r-riżultat tagħhom huwa differenti wkoll. It-teatru l-fatt li huwa live, allura l-isfida hija ikbar u l-applaws u l-apprezzament tal-udjenza jkunu live dak il-ħin, u t-television hemm ħafna sigħat ta' filming fejn il-feedback tibda tieħdu wara li jibda jixxandar. Imma naħseb ikolli nagħżel, nagħżel it-teatru, speċjalment il-kummiedja. Id-daħk u l-applawsi tal-mument huma sentiment li ma nafx niddeskrivih u jekk kelli niddeskrivih f'kelma waħda qas nista' għax qisu bħal bomba nukleari ta' emozzjonijiet li jissarfu f'ferħ.

Mis-serje kollha li ħdimt, liem kien l-iktar karattru li ħadt gost tagħmel?

Għalkemm dan l-aħħar qtajt naqra mit-televixin hemm naqra mhux ħażin bħala karattri u diffiċli nagħżel wieħed, għas-sempliċi raġuni li jien qed nagħmel kemm kummiedja, kif ukoll drama. Ovvjament għalija personali d-drama hija aktar ta' sfida u nħoss li nipprova naħdem ħafna aktar fuqha. Mhux għax il-kummiedja le imma kemm jista' jkun nipprova nkun all rounder u l-aħjar verżjoni tiegħi nnifsi bħala attur. Imma naħseb li jekk ikolli nagħżel dejjem ser jibqa' l-Lajf. Karattru li ta spinta kbira lill-karriera tiegħi u li n-nies għadhom ifittxu ħafna, anke wara li ilni sitt snin fix-xena bih.

Għandek xi riżoluzzjoni għas-sena l-ġdida?

Ma tantx nemmen bir-riżoluzzjonijiet imma dejjem nenfasizza kif kull sena nipprova nkun aħjar. Ovvjament mhux deejjem ward u żagħar imma tajjeb li naraw it-tazza nofsha mimlija flok nofsha vojta. Imma naħseb li s-sena d-dieħla għandi pjan li nixtirq nagħmel produzzjoni tiegħi, b'komiċità li qatt ma rajna fuqha u bħalissa bdejn naħdem fuqha bilmod u li s-sena d-dieħla nixtirq li tkun hemm barra fejn igawdiha kulhadd, imbagħad naraw fejn ser toħodna s-sena d-dieħla.

X’pjanijiet għandek għall-karriera tiegħek fl-2023?

Din tkompli mar riżoluzzjonijiet imma bħala pjanijiet, kif għidt, dan l-aħħar naqqast nidher quddiem il-camera u qed naħdem warajha. Qed nipprova ndur dipartimenti tal-midja sakemm insib saqajja x'imkien u ngħid eħe, dan irrid nagħmel. Imma li nibda nipproduċi jew inkun parti minn timiijiet ta' produzzjonijiet differenti hi l-ħolma tiegħi. Eh u xi ħaġa oħra li nixtieq nagħfas fuq il-karriera tiegħi bħala preżentatur. Jogħġobni ħafna u qatt ma ħsibt li se nkun hekk, imma la darba għamilta nixtieq inkompli naħdem li nkun preżentatur komiku, xi ħaġa li aħna neqsin ħafna minnha hawn Malta, sfortunatament.

Facebook / Matthew Sant Sultana


Henzley  Bezzina