Matul dan il-jum qed nippublikaw l-intervisti li għamilna mal-parteċipanti ta' Mużika Mużika. Fil-bidu tas-sena 2021, f'Malta ħa jirritorna l-Festival Kanzunetta Maltija taħt l-isem ta' Mużika Mużika! Ara x'kellhom x'jgħidulna dawn il-parteċipanti fuq il-Milied. 

Kantera ħa jkunu qed jinterpretaw il-kanzunetta L-Ewwel Jien fuq mużika ta' Elton Zarb u kliem ta' Joe Julian Farrugia.

Huma jgħidulna, "Il-Milied ifakkarna fl-importanza tal-għaqda u li nkunu hemm għal min hu fil-bżonn. Lejliet il-Milied se niltaqgħu l-membri tal-band fl-istudio għal drink bejnietna u xi ċajta ma tonqosx, aktar tard ningħaqdu mal-għeżież tagħna biex inqattgħu ħin prezzjuż magħhom."

Kantera jagħlqu b'appell, "Nappellaw biex dan il-Milied filwaqt li ngawdu lill-familji tagħna, ma ninsewx lil dawk li jinsabu waħedhom jew għaddejjin minn żmien difficli."

Il-kantawtur Mark Spiteri Lucas ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Lil Binti.

Mark jistqarr magħna ta' Gwida.mt, "Il-Milied inħobbu ħafna. Niftakarni sa minn ċkuniti bl-istess imħabba lejn dan il-perjodu ta' festi. Dak kollu li għandu x'jaqsam mal-Milied jogħġobni. Inħobb il-Milied is-sempliċi... il-Milied ta' dari... Nikkuntenta anke billi mmur sa Strada Rjali l-Belt u nitpaxxa u nitgħaxxaq bit-tiżjin, bid-dawl ipetpet, jew bin-nies għaddejjin jixtru r-rigali u jawguraw lil xulxin."

Hu jispjega, "Iqanqalli wisq nostalġija l-Milied. Huwa żmien fejn inħoss spirtu ta' ferħ u fejn normalment nieħu gost niltaqa' man-nies, ma' familjari u l-bqija. Din is-sena storja ftit differenti. Xorta ħa ngawdi l-ispirtu tal-Milied imma b'mod li jmur id f'id mal-importanza ta' saħti u saħħet familti.

Il-kantawtur AIDAN ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Naħseb Fik.

AIDAN jistqarr magħna, "Il-Milied huwa żmien speċjali għalija - apparti li ftit jiem qabel il-Milied nagħlaq għeluq snini, żmien il-Milied jagħtini ċertu ora’ u paċi li diffiċli tispjegaha."

Hu jkompli jgħid, "Għalkemm din is-sena ser tkun ftit diffiċli biex niċelebrawh bħal ma’ aħna mdorrijin, jien ser inqattgħu ma’ dawk l-iżjed qrib tiegħi - b’hekk veru xorta waħda nkun esperjenzajt l-ispirtu tal-Milied."

Miguel Bonello ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Sinfonija Ħiemda fuq mużika ta' Aldo u Bradley Spiteri bi kliem ta' Joe Julian Farrugia.

Miguel jgħidilna, "bla dubju ta’ xejn dal-Milied se jkun kemxejn differenti mis-soltu iżda xorta waħda f’dan il-Milied se nagħmel minn kollox biex nogħli l-moral u ntaffi dat-toqol ta’ din il-pandemija billi nuri s-solidarjetà speċjalment mal-anzjani."

Hu mill-qalb jgħid, "Fil-Milied lest li nagħti sorpriża lil kull min naf li qiegħed waħdu billi permezz tat-teknoloġija nagħmel kommunikazzjoni magħhom. Se nqatta’ ftit ħin magħhom iktar mis-soltu u nagħtihom kelma ta’ kuraġġ f’dan iż-żmien."

Il-kantawtur Ryan Grech ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Ta' Ftit Kliem.

Ryan jispjega, "Ta’ kull sena, iż-żmien tal-Milied jaf ikollu diversi tifsiriet għal kull wieħed u waħda minnha; hemm min jidħol fl-atmosfera ta’ entużjażmu u l-briju tal-festi, min ikun qiegħed jistenna l-pawża qasira u bżonnjuża mir-rutina repetittiva ta’ sena xogħol, u min, mill-banda l-oħra, ikun qiegħed jistenna sabiex dan il-perjodu tas-sena jgħaddi malajr kemm jista’ jkun. Minkejja li din is-sena kienet waħda diffiċli għal bosta, huwa sabiħ li wieħed juża dan iż-żmien tas-sena biex jirrifletti dwar dak li jkun għadda minnu."

Hu jkompli jgħid, "Din is-sena, l-ispirtu tal-Milied għalija jibqa’ jfisser u jfakkar f’kemm huwa importanti li dejjem nuru kompassjoni u rispett ma’ kull min niltaqgħu. Is-sens ta’ għaqda, paċi u mħabba għandom dejjem jippromettu fil-ħajja tagħna, mhux biss f’dan iż-żmien, biex b’hekk l-ispirtu veru tal-Milied jibqa’ dejjem jidher fl-għemejjel tagħna. Il-jum tal-Milied ta’ din is-sena, għalkemm kemxejn aktar kwiet mis-soltu, qiegħed nippjana li nipprepara ikla tajba għall-familja għażiża tiegħi."

Aħna f'isem Gwida.mt, nawguraw lill-parteċipanti kollha li bejn it-18 u l-20 ta' Marzu ħa jkunu qegħdin jikkompetu f'Mużika Mużika - Festival Tal-Kanzunetta Malija. Għal aktar informazzjoni żur is-sit ta' Mużika Mużika billi tagħfas HAWN.

Niltaqgħu m'aktar parteċipanti dalwaqt... 


Anthony Baldacchino