Joseph Armani sar famuż grazzi għal kunjomu! Spiċċa daqq ġo pajjiż gimgħa wara attakk terroristiku għax ħadd ma ried immur u meta kien żgħir kien ikanta imma waqaf! Min jaf għaliex? L-isbaħ waħda hi li spiċċa ġo ajruport arrestat, marid mejjet u bil-pulizija jsawtuh! F'din l-intervista niskopru ftit aktar dwar Joseph Armani.

Joseph Armani dan stage name jew ismek proprja?

Jiena twelidt Venezja u fuq l-id card għandi mniżżel Giuseppe Armani imma peress li trabbejt Malta, Giuseppe ma tantx hu popolari u kulħadd kien jgħajjatli Joseph. Ħafna nies jistgħaġbu xħin ngħidulhom Armani. Kunjomi kien parti importanti mis-suċċess tiegħi, eżempju fir-Russja!

View this post on Instagram

A post shared by Joseph Armani (@armanijoseph) on

Fir-Russja? Xi ġralek mela?

Niftakar kien hemm att terroristiku li sar fir-Russja. Dakinhar kienu mietu ħafna nies. Jien ma kontx naf x’qed jiġri. Inzerta li dak iż-żmien, kien hemm festival kbir li kellu jsir fil-belt ta St. Petersburg, eżattament fejn kienet ser issir l-attività. Il-kantanti u DJs mistiedna kollha kienu ħassru milli jmorru hemm. Il-produttur tal-festival kien ser jiġġennen.

B’kumbinazzjoni kien qed jitkellem mal-maniġer li kien jieħu ħsiebi dak iż-żmien u qallu bil-problema. Il-maniġer tiegħi tah lista ta’ DJs li kien qed jieħu ħsieb. Dan ma kien jaf lil ħadd minn fuq din il-lista. Fil-pront kien ra ismi. Għoġbu kunjomi u ried lili biex immur indoqq ir-Russja.

Sintendi l-maniġer tiegħi ċempilli u qalli bl-aħbar. Dak iż-żmien ma kontx magħruf hemmhekk u rajtha bħala opportunità tad-deheb. Staqsieni jekk smajtx x’kien ġara r-Russja. Għedtlu li ma kellix idea. Tlajt xorta għax dak il-ħin għedt “jekk ġara att terroristiku mhux ser jerġa jiġri iehor daqshekk qrib”. B’hekk tlajt ir-Russja, daqqejt quddiem folla kbira ta’ nies u ħadu ħafna pjaċir.

L-għada ġew jintervisatawni u bdejt infaħħar lir-Russja bil-ġmiel tagħha, bl-attivitajiet li qed isiru. M'għandhix xi ngħidu r-Russi ħadu pjaċir immens u sirt idolu tagħhom! Minn dakinhar baqu jgħiduli biex immur indoqq. Xi kultant fil-ħajja hemm element ta’ fortuna imma l-fortuna tkun moħbija f’opportunità li tkun trid teħodha. Kieku jien bżajt u ma mortx ma kienx ikolli opportunità bħal dik.

View this post on Instagram

A post shared by Joseph Armani (@armanijoseph) on

Vera li kont tkanta?

Dażgur! JIen bdejt bħala kantant. Kont ngħid li l-kant ma joġgħobnix imma n-nanna Grezz dejjem xtaqitni nkanta. Kienet tiġri warajja biex immur nitgħallem! In-nanna kienet ħallietna meta kelli 5 snin u kont ħadtha ħafna bi kbira.

Għalhekk mort nitgħallem inkanta biex nagħmel dak li dejjem xtaqitni. Meta bdejt kont nieħu sehem f’ħafna festivals! F’dawn il-festival dejjem kont niġi l-ewwel. Ġieli xħin ikunu għajtu t-tieni post kont inkun diġà tlajt fuq il-palk biex nieħu t-trofew tal-ewwel. Irnexxieli nirbaħ 19-il darba konsekuttivament!

Mal-20 darba żgarrajna. Hekk kif qalu t-tieni post, jien tlajt bħas-soltu biex nieħu t-trofew. Imma ma għajtux ismi! Minflok ghajtu ‘JOSEPH BARBARA”. Tista' tobsor il-mistħija li kelli dak il-ħin. Xtaqt l-arti tiblani. Inżilt minn fuq il-palk u mort lura posti.

Kienet għalija disfatta kbira li ma kontx ġejt mal-ewwel tlieta. Tlabt lil ommi tiċċekjali kif kont mort u skoprejna li ġejt l-aħħar post. Minn hemm kont iddeċidejt li nwaqqaf ħesrem il-karriera tal-kant. Kont żgħir u dak iż-żmien hekk kont ħsibta.

View this post on Instagram

A post shared by Joseph Armani (@armanijoseph) on

U DJ kif bdejt?

Ta’ 13-il sena kont attendejt l-ewwel skola tad-DJs li kien hawn f'Malta, ‘Good Music DJ School’, li l-għalliem tagħha kien David Dee. Meta mort għal-laqgħa, ma kienx ried jgħallimni peress li kont għadni zgħir. Ommi kienet ċemplitlu sabiex idawwar fehmtu u kien tħassarni. Hemmhekk kont fl-istess klassi ma’ DJ Ruby fejn sirna ħbieb kbar. Il-fortuna reġgħet daħkitli fin-1994 meta kont ġewwa Miracles Bugibba. Hemmhekk kont mort ma’ sħabi. Dakinhar kien hemm Dj Ruby li kien qiegħed idoqq. Għedtlu taf kemm naf indoqq, sibli biċċa xoghol. Dak mar ikellem lil Kevin, is-sid tal-istabiliment u kien qalli biex immur indoqq l-għada. Dak il-ħin ħassejt ferħ kbir. Intgħoġobt u daqqejt sajf sħiħ kuljum hemm. Min hemm ma waqaftx!

Din is-sena għalaqt 25 sena iddoqq, liema kienu l-isbaħ mumenti?

Bla dubju meta kelli folla ta’ miljun ruħ quddiemi. Kienet il-Berlin’s Love Parade. Kont ġejt mistieden għal 3 darbiet infila, 2001, 2002 u 2003. Wiehed mill-mumenti li ma ninsa qatt, li kelli bħala DJ hu meta smajt l-introduzzjoni “Joseph Armani from Malta” u tara dawk in-nies kollha jgħajtu! Kien qabadni l-bard. Qabżitli demgħa għax vera ħassejtni kburi li kont qed nirrapreżenta lil Malta ma’ dik il-folla kollha.

View this post on Instagram

A post shared by Joseph Armani (@armanijoseph) on

Imma l-fortuna tiegħek darba ma daħkitlekx… x’ġara meta kont ir-Russja u ma għarfukx?

Dakinhar ma ninsieha qatt. Il-mara kienet tqila b’Denzel u kellha 8 xhur. Jien kont għadni kif lestejt minn kunċert kbir hemmhekk. Morna l-airport biex naqbdu l-flight għal Malta. Dakinhar kien qabadni uġigħ f’żaqqi u għedt lil sħabi li ma kontx f'saħħti biex intir.

Dawk ħaduli l-affarijiet sabiex ibiddlu il-biljetti għall-għada u jien mort nirreġetta ġo dust bin. Xħin lestejt jiġu fuqi 2 puluzija u jistaqsuni għall-passaport. Dak il-ħin ma kellix fuqi għax kienu ħaduli kollox sħabi biex jilħqu jbiddlu l-biljetti. Bdejt ngħidilhom “My friends have them”. Għalxejn, ġarrewni minn ħwejġi u daħluni ġo ċella fl-ajruport stess.

Dakinhar sawtuni u tawni kemm felħu. Xħin indunaw li kelli kartiera mimlija flus, huma dawk biss raw. Ħaduhieli u komplew jistaqsuni ħafna mistoqsijiet. Jien muġugħ u nokrob bl-uġigħ bdejt ngħajjat għal għajnuna! Kont qed nara lil sħabi ifittxuni mill-monitors li kien hemm u bdejt nipponta lejhom u ngħidilhom li hemm sħabi!

Ir-Russja aħjar tinqabad b’kollox milli mingħajr ID Card jew passaport. Kienu żammewni 6 sigħat maqful hemmhekk. Sadanitant sħabi kienu f’paniku kbir. Ċemplu Malta u anke lil ambaxxata tar-Russja f’Malta u dawk għamlu pressjoni biex jien noħroġ minn hemm.

Wara 6 sigħat inqaleb ix-shift u ġew ħaddiema oħra. Dawn staqsewni x’kont qed nagħmel hemmhekk u ħelsuni minnufih. Kienet esperjenza li ma ninsa qatt! L-aktar ħaġa li bdejt ngħid dak il-ħin li ser jitweldli t-tifel u mhux ser narah!

View this post on Instagram

A post shared by Joseph Armani (@armanijoseph) on

Tajba wkoll! Ma tantx spiċċa sew ġewwa r-Russja... din kienet l-ewwel parti minn din l-intervista. Fil-jien li ġejjien inkomplu niskopru aktar dwar Armani, nitkellmu miegħu dwar it-tifel tiegħu Denzel Jo u x'qed jippjana għal futur qarib! Iżda żgur li ħarġu ftit kurżitajiet lia ħafna ma kinux jafu dwaru! 

Clint Gerard Attard


Anthony Baldacchino