Ftit tal-jiem oħra, Malta ħa tkun qed tieħu sehem fil-Junior Eurovision Song Contest. Edizzjoni kemxejn differenti minn tas-soltu! Iċ-ċkejkna Chanel Monseigneur ħa tkun qed itajjar il-bandiera Maltija f'din l-edizzjoni bil-kanzunetta Chasing Sunsets. Kanzunetta miktuba minn Peter Borg, Aleandro Spiteri Monseigneur, Joe Roscoe u Emil Calleja Bayliss.

Il-kanzunetta twassal messaġġ pożittiv ferm, messaġġ li wieħed għandu dejjem jibqa' jiġri wara l-ħolm tiegħu u ma jaqtax qalbu. Messaġġ li jmur ħafna maż-żminijiet tal-lum. Ftit tal-mumenti ilu ħareġ il-filmat uffiċjali tal-kanzunetta Maltija permezz tal-kanal ta' YouTube tal-Junior Eurovision.

Il-kanzunetta Maltija jidher li qed ikollha rispons pożittiv. Il-finali ta' dan il-festival ħa tixxandar il-Ħadd 29 ta' Novembru u aħna l-Maltin ħa jkollna ċ-ċans li nivvotaw għall-kanzunetta tagħna wkoll. Aħna ta' Gwida.mt inżommukom infurmati dwar dan aktar tard.

Minn qalbna nawguraw lil Chanel u lit-tim tagħha kull suċċess f'din l-avventura. M'għandniex dubju li ħa tkun waħda pożittiva. Awguri!

Facebook / Chanel Monseigneur


Anthony Baldacchino