X’tagħmel li kieku kellek tkun sfurzata titlaq minn darek meta jasal dak iż-żmien tax-xahar? F’xi rħula f’ċerti partijiet fil-Punent tan-Nepal din hija parti mill-ħajja li kull tfajla u mara Ħindu jkollha tgħaddi minnha; trid jew ma tridx! Sa mill-ewwel darba li tfajla ssir xebba, din ikollha titlaq mid-dar għal madwar għaxart ijiem u tipprova ssib kenn x’imkien ieħor. Ta’ kull xahar imbagħad tfajla jkollha twarrab għal xi erbat ijiem u eżatt wara li mara jkollha tarbija din trid tagħmel xi jiem ’il bogħod mid-dar.

Matul żmien iċ-‘chhaupadi’, il-mara tkun meqjusa bħala ‘mhux safja’. La tkun tista’ tmiss lir-raġel u lanqas lit-tfal għax tmarradhom. Saħansitra lanqas biss titħalla tidħol fil-parapett tad-dar tagħha u b’hekk ikollha tgħaddi l-ġranet bla ma tinħasel. Dan għaliex dawn jemmnu li ċ-‘chau’ jġiegħel lill-allat jirrabjaw. Fl-istess ħin jemmnu wkoll li mingħajr il-mara l-ambjent tad-dar jibqa’ nadif u b’hekk jonqaos il-mard.

Hija ħaġa ovvja li t-tfajliet żgħar jgħaddu minn trawma u jkunu mbeżżgħin jgħixu waħedhom maqtugħin minn kulħadd. Ikun hemm il-biża’ wkoll li jisfaw attakkati minn xi annimal jew minn xi kriminal.

Minkejja li t-tfajliet tal-lum jafu li dan it-twemmin mhuwiex minnu għax ażżardaw jittestjaw dan l-għajdut, xorta waħda jkollhom joqogħdu għal din is-superstizzjoni antika.

Grazzi għal donazzjonijiet ta’ flus li aħna nagħtu, ċkejkna kemm huma ċkejkna, persuni f’sitwazzjonijiet simili madwar id-dinja kollha, jirċievu dak kollu neċessarju biex jgħixu ħajja diċenti. Bis-saħħa ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta (l-Uffiċċju Missjunarju) fil-Belt u l-Mosta, jibgħat fondi lil diversi komunitajiet fejn hemm il-missjunarji sabiex jgħinu mill-aħjar li jistgħu lill-foqra u abbandunati, fost oħrajn. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.

Nhar is-Sibt 4 ta’ Lulju ser issir il-maratona tal-Missio.


Anthony Baldacchino