L-iskript ta’ dan il-film ġie kkummissjonat għalih Phil Alden Robinson li minn taħt idejh ħarġu films bħal Field of Dreams, Sneakers, u The Sum of All Fears. Wara l-kitba għaddiet f’idejn Billy Ray li wara ismu hemm sensiela ta’ films magħrufa bħal Flightplan, Breach, State of Play u The Hunger Games.

Jingħad li l-awtur kien se jmiss aspetti partikolari minn ħajjet Frank Sinatra, u dawn il-fatti xejn ma niżlu tajjeb ma’ membri mill-familja ta’ Sinatra.Scorsese, min-naħa tiegħu, ma xtaqx li jaħdem film mingħajr ma jkollu l-approvazzjoni tal-membri ta’ Sinatra u għalhekk sabha diffiċċli biex ikompli bil-proġett.

Ma qatax qalbu mill-ewwel u għamel ħafna laqgħat iżda l-ebda laqgħa ma’ ħalliet il-frott mixtieq. Ilhom snin twal jiġru xnigħat dwar lat ieħor li kellu Sinatra, fosthom l-involviment tiegħu ma’ bosta gangsters. Il-ktieb Sinatra: The Chairman li James Kaplan ħareġ fl-2016 jifta’ dawl żgħir fuq ħajjet Sinatra, lil hinn mix-xena tal-ispettaklu.

Scorsese li hu magħruf ta’ kemm jaħdem bir-reqqa fuq il-produzzjonijiet tiegħu, jingħad li kien determinat li jwassal film fejn mhux biss tispikka l-mużika jew il-fatti biografiċi li kulħadd jaf jew jistenna dwar Sinatra. Ried ikun kuraġġuż u jmiss parti minn ħajjet Sinatra li dwarha hemm snin twal ta’ spekulazzjoni. Il-familja ta’ Sinatra għall-ewwel kienet favur li jsir dan il-film li Scorsese kien ilu jippjana mill-2009, iżda nsistew li ċerti aspetti minn ħajjet l-artist jitħallew barra.

Scorsese ma aċċettax u meta pubblikament ħabbar li l-proġett ta’ din il-film twaqqaf, hu żied jgħid li, “Nifhem li hemm ċerti affarijiet li huma diffiċċli għal familja. Imma jekk qed jippretendu li jien naħdem fuq dan il-proġett, ma jistgħux iżommu lura fuq dawn l-aspetti. Il-problema hija li qed nitkellmu fuq persuna kumplessa. Kulħadd huwa kumpless b’xi mod jew ieħor, imma Sinatra kien partikolarment kumpless!

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / Sinatragram


Frederick Zammit