Il-Malta International Airshow ta' din is-sena ser isir bejn it-23 u l-24 ta' Settembru. Dan l-avveniment mistenni jibda b'show statiku fl-ajruport ta' Ħal Luqa u jilħaq il-qofol tiegħu max-xatt tal-Qawra f'San Pawl il-Baħar. 

Għal dan l-avvenimenti ta' avjazzjoni ser jieħdu sehem it-tim nazzjonali Żvizzeru tal-wiri tal-ajru Patrouille Suisse, kif ukoll il-Flying Bulls Display u r-Red Arrows li mistennija jkunu l-attrazzjoni ewlenija tal-programm ta' din is-sena. 

Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef, u l-President tal-Malta Aviation Society Massimo Farrugia.  

Il-Kap Eżekuttiv Carlo Micallef saħaq li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tkompli tkun proattiva li tassisti b'mod kontinwu avvenimenti diversifikati bil-għan li l-gżejjer Maltin ikomplu jkunu destinazzjoni attraenti matul is-sena kollha. 

Il-President tal-Malta Aviation Society Massimo Farrugia qal li l-aspettattivi għax-show ta' din is-sena huma pożittivi ferm tant li jawguraw tajjeb għall-esperjenza tat-turisti li jiġu jaraw l-airshow.


Kyle Zarb