Is-sewwieq Malti Warren Sciberras kellu esperjenza mill-isbaħ ġewwa Silverstone, fl-Ingilterra. Għamel kuntatt mal-paġna tagħna fejn tana d-dettalji dwar kif mar f'kull tellieqa li kellu.
"Qualifying - pace tajjeb, ħin mat-team mate tiegħi, iżda sfortunatament tawni penalty minħabba li qbiżt il-limiti tal-veolċità. Kelli nibda l-ewwel tellieqa mill-aħħar post!
L-ewwel tellieqa - Bdejt mill-aħħar u rnexxieli nitla' xi pożizzjonijiet. Ma kinux biżżejed u bħala tim kellna ftit inqas saħħa mill-magna, ikkumparata ma' timijiet oħrajn. Batejna imma ma qtajniex qalbna.
It-tieni tellieqa - Din kienet tiġrija vera diffiċli li suppost ġiet Red Flagged minħabba xita qawwija li qabdet qabel it-tiġrija. Kelli bidu tajjeb ħafna, tlajt tliet postijiet però kelli spin qawwija ħafna li tefagħtni fiż-żrar, u miegħi kien hemm oħrajn, tant li t-tiġrija wara ftit minuti ġiet imwaqqfa taħt is-safety car.
It-tielet tellieqa - Tiġrija ġo xita diċenti u rnexxieli nitla' xi 10 postijiet u nispiċċa l-ewwel tiġrija tiegħi fix-xita."
Warren jispjegalna kif it-tim li kkompeta miegħu jinsab kuntent bil-prestazzjoni tiegħu, hekk kif fi ftit sezzjonijiet li kellu, laħħaq sew mal-avversarju tiegħu u anke irnexxielu jaqbżu fl-aħħar tiġrija.
Jiddeskrivi din l-esperjenza bħala "tlett ijiem tedjanti li ħadt l-esperjenza u tgħallimt ħafna minnha!" Warren iżid, "Tat-tim jinsabu kuntenti bil-prestazzjoni li kelli magħhom għall-ewwel darba u jixtiquni insuq kampjonat magħhom is-sena d-dieħla!"
Warren jgħidilna kemm Silverstone ser jibqa' post speċjali għalih u jinsab sodisfatt ħafna li kellu żewġ tiġrijiet hemm. Kellu tiġrija riċentament fil-Mini-Challenge u anke fil-Brit Car 2023.
"Nirringrazzja lil kull min jagħtini sapport, lill-isponsors Enemed, lill-familja, ħbieb u lill-għarusa tiegħi, Maria. Nixtieq inkompli nitgħallem u nikber fl-isport, forsi xi darba inkun nista' naqsam dak li tgħallimt ma' ħaddieħor. Grazzi tas-sapport."
Prosit u nawgurawlek aktar suċċess Warren!