L-Animal Liberation Malta ħarġet risposta għad-dikjarazzoni difensiva li ħarġu s-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863 fir-rigward tat-tlielaq taż-żwiemel fis-sigħat ta’ waranofsinhar.

“Nistgħu nieqfu nużaw ‘tradizzjoni’ bħala skuża għall-moħqrija tal-annimali? X’dikjarazzjoni diżappuntanti mis-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863,” huma kitbu.

“Wara li qamet kontroversja oħra fir-rigward tat-tiġrijiet taż-żwiemel fl-agħar sigħat ta’ wara nofsinhar, is-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863 ħarġet stqarrija diżappuntanti li din hija ‘tradizzjoni’ u li ‘dan ilu jiġri għal dawn l-aħħar 500 sena’.”

“Għeżież Soċjetà Filamronika Leone, tafu x'ġara aktar f'dawn l-aħħar 500 sena f'soċjetajiet ċivilizzati? L-iskjavitù tneħħa; in-nisa bdew jivvutaw; m’għadhomx jittellgħu persuni l-qorti b’akkużi ta’ seħer; is-segregazzjoni ġiet eliminata; it-teknoloġija avvanzat; u ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess issa huwa aċċettat. L-ebda wieħed minn dawn fost mijiet ta’ bidliet soċjali oħra ma kien ikun possibbli kieku n-nies żammew mat-‘tradizzjoni’.”

“L-argument tagħkom huwa difettuż u skadut. Sempliċiment għax tiddikjara li ‘l-annimali tagħkom dejjem jieħdu ħsiebhom’ u li ‘huma f’kundizzjoni tajba biex jiġru’ ma jagħmilx dan aċċettabbli. Poġġu ruħkom flok iż-żwiemel, u immaġinaw lilkom infuskom tiġru dik l-għolja fis-sigħat ta’ wara nofsinhar f’xemx tisreġ, waqt li tiġbed ‘raġel’ fuq karrettun.”

“Ironikament qed tappellaw biex il-Gvern u l-Animal Welfare jużaw il-‘bon sens’ tagħhom biex il-wirt ta’ pajjiżna jibqa’ ħaj. M’hemm l-ebda sens f’dak li qed tgħidu. Din mhix tradizzjoni u dan mhux passatemp.  Id-dwal, id-dekorazzjoni, id-delikati u l-marċi tagħkom huma tradizzjoni. Żommu dawk minflok il-moħqrija fuq l-annimali.

Facebook/Animal Liberation Malta


Bernard Xuereb