“Jien Rari Nitkellem Pubblikament, Imma Din Id-Darba, Ma Nistax Nibqa’ Kwiet” – Gabriel Grixti

L-atleta Gabriel Grixti kiteb messaġġ ta’ diżappunt u rabja fuq il-paġna tiegħu hekk kif irrealizza li minkejja t-titli prestuġjużi kollha li rebaħ, mhux se jieħu sehem fil-logħob GSSE Andorra 2025 u minfloku hemm tim ta’ persuni li ma twieldux Malta.

Hu kiteb, “Jien rari nitkellem pubblikament, imma din id-darba, ma nistax nibqa’ kwiet. Il-kumitat olimipku Malti għadu kemm ħabbar l-ismijiet li se jagħmlu parti mit-tim tal-logħob GSSE Andorra 2025. Ma stajtx nemmen, ĦALLEWNI BARRA, minkejja li jiena s-Seniors Champion Nazzjonali Malti KURRENTI. Ha nkun ċar: anke waqt li qiegħed fil-ħames sena ta’ studju fil-qasam mediku, b’mod konsistenti ddedikajt iżjed minn 18 -il siegħa fil-ġimgħa għall-isport tiegħi u ssagrifikajt ħafna biex nittrenja fuq il-mejda, fil-gym, fuq it-track, u l-preparazzjoni mentali. Dan kollu għal għan wieħed: biex nirrappreżenta lil Malta bi kburija b’mod internazzjonali.”

Hu kompla jispjega kemm irnexxielu jirbaħ titli prestiġjużi matul dawn l-aħħar erba’ snin u kemm -il darba tela’ jikkompeti barra minn Malta biex jagħmel lil pajjiżu kburi imma minkejja dan kollu, ħallewh barra.

Mis-sitt atletli li ntgħażlu biex jagħmlu parti mit-tim ta’ din is-sena, wieħed biss huwa atleta li twieled Malta. Biex jispjega kollox, Grixti kiteb kif il-Gvern Malti u l-MOC taw erba’ passaporti Maltin lill-atleti mhux Maltin biss ftit jiem qabel il-logħob tal-GSSE 2023 u qalu li dan biex nagħtu lil Malta l-aħjar ċans biex tirbaħ. Hu ma qabilx iżda baqa’ mat-tim għalkemm ma tawhx iċ-ċans jilgħab għaliex kien jemmen fil-wegħdiet li tawh.

Żied jgħid, “Dawn l-istess plejers prattikaw ftit magħna fis-sena 2022, reġgħu ġew eżatt qabel il-logħob fis-sena 2023 u sparixxew eżatt wara, ma dehrux għal sentejn sħaħ. Issa fis-sena 2025 dawn il-plejers reġgħu tfaċċaw, mhux biex jirrappreżentaw lil Malta għax huma kburin biha, imma għax qed jitħallsu.”

Temm kliemu billi kiteb, “Dejjem ħassejtni kburi nilbes il-kuluri ta’ Malta. Imma llum, inħossni abbandunat mill-istituzzjonijiet li suppost qed jipproteġu l-atleti u l-isport.”





 

Facebook / Gabriel Grixti



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI