Tul il-ġimgħa kellna ċ-ċans li nwasslulkom intervisti esklussivi mar-rebbieħa kollha tal-Għanja tal-Poplu u ma setax jonqos milli nagħlqu b'intervista mar-rebbieħa tat-48 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu, Laura Bruno. Laura rebħet bil-kanzunetta Għażiża, kanzunetta b'dedikazzjoni speċjali lejn ommha.
Laura tistqarr magħna, "Din ir-rebħa tfisser ħafna għalija, kemm minn lat professjonali, kif ukoll mil-lat personali. Il-kanzunetta emmint fiha mill-ewwel darba li smajtha u qrajt il-lirika stupenda tagħha. Ta' dan kollu grazzi lil Mark Spiteri Lucas."
Ritratt: Lorella Castillo
Is-sena li għaddiet Laura kisbet it-tielet post fl-istess festival permezz tal-kanzunetta Katina, kanzunetta bi kliem ta' Paul Ellul u kompożizzjoni tal-istess Mark Spiteri Lucas. Dwar il-fatt li għażlet li taħdem ma' Mark mill-ġdid Laura tgħidilna, "Lil Mark nafdah dejjem, artist bravu u kapaċi u kull kompożizzjoni tiegħu hija speċjali. Mark kiteb kanzunetta mill-qalb fuq l-istorja tiegħi, emminnha fiha."
Hi tiżvela magħna l-proċess ta' kif inħolqot din il-kanzunetta, "L-ewwel ma qrajt kienu l-kliem, u lil Mark għidtlu mal-ewwel xi ġmiel, wara twieldet il-mużika, li kkumplimentat il-kliem b'mod meraviljuż. Kif għidt qabel, emminnha fil-kanzunetta mill-ewwel ġurnata. Kull min jidħol għal kompetizzjoni jkun jixtieq li jirbaħ. Jien l-iktar importanti li wassalt il-kanzunetta bl-aħjar interpretazzjoni possibbli u tajt il-100%."
Ritratt: Lorella Castillo
Dan l-aħħar nistgħu ngħidu li kellna x-xorti li naraw lil Laura aktar minn qabel. Laura tkun impenjata wkoll bit-teatru, infatti tgħidlna, "għalkemm għamilt żmien nieqsa mix-xena tal-festivals, kont attiva ferm fix-xena tat-teatru. It-teatru joħodlok ħafna ħin, u kultant ma tantx insib ċans naħdem fuq mużika ġdida, li wkoll trid ħafna ħin."
Minn hawn, Laura tħares 'il quddiem għall-esperjenzi oħra li għandha jistennewha. Hi ttem billi tgħidilna, "Ħa nkun qiegħda nipparteċipa bħala finalista fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza, kif ukoll bħalissa għaddejjin bil-preparamenti u provi ta' Ċetta from Valletta li ħa tittella' ġewwa t-Teatru Manoel bejn it-12 u 20 ta' Ottubru. Ħa nkun qiegħda ninterpreta il-karattru prinċipali ta' Ċetta."
Ritratt: Lorella Castillo
F'isem it-tim ta' Gwida, nawgurawlek l-isbaħ xewqat u nittamaw li nisimgħu aktar dik il-vuċi meraviljuża tiegħek! Awguri!
Lorella Castillo