Mariella Mizzi Attard, taqsam fuq il-mezzi soċjali episodju li għaddiet minnu. Episodju kemxejn skomdu u tedjanti jekk tinzerta tkun int f'din is-sitwazzjoni. Hi tirrakkonta, "Grupp kbir ta’ żgħażagħ Skoċċiżi l-ajruport ta’ Edinburgh. Fit-3:00 diġà mdamdmin, b’riħa ta’ birra taqsam fuqhom. Kollhom storbju. Jirkbu l-ajruplan. Smajthom jgħidu li ġew għal xi party minn taż-żgħażagħ li jsiru f’Awwissu. Ikompli l-istorbju."

Hi tkompli tirrakkonta, "Wieħed minnhom qażżeż ajruplan, itaqtaq, jgħajjat b’leħen ta’ barri, mingħalieh qed idaħħaq imma ma jidħaqlu ħadd. Jordna 2 birra. L-airhostess iġġibhomlu. Jgħidilha xi ħaġa u titbissem. Mid-dehra qed tiggustah. Jordna 2 oħra... u 2 oħra. Fil-frattemp l-istorbju u l-kjass jiżdiedu. Saqajh twal żewġ metri, iqum u joqgħod kontinwament. Jordna xampanja, u ġġiblu bi tbissima. L-aqwa li jħallas, għax il-low cost airlines minn hemm jaqalgħu lira. Qatt ma ħasbet li dan bniedem perikoluż u jaf jaqlagħlha paniku. Ġabitlu flixkun xampanja ieħor … u xorbu f’nifs wieħed ukoll."

Mariella żżid, "Jien kont ħdejh u ma flaħtux iktar. Jgħajjat, jidgħi, jitfewwaq. Bla ma tkellimt xejn qomt biex immur it-toilet u kif kont ħdejn l-airhostess staqsejtha nistax inpoġġi fuq seat ieħor. Staqsietni għaliex u għedtilha li jien għajjiena u ma flaħtx l-istorbju iktar. Poġġejt fuq is-seat l-ieħor. Mid-dehra marret tgħidlu li jien ilmentajt, għax minn dak il-ħin beda t-tgħajjir. Sħabu bdew iqumu għat-toilet u xħin jgħaddu minn ħdejja jħarsu lejja u jinsulentawni. Dawn ġejjin f’pajjiżi. Dawn suppost nifraħ bihom għax ikabbru l-ekonomija ta’ pajjiżi! Dawn huma t-turisti li jiġu bħalissa. Ma rreaġixxejt xejn, ħallejthom jgħidu li jridu u ppruvajt inkompli naqra l-ktieb."

Hi tkompli, "Il-ħsieb tiegħi hu dan. Kemm hawn min għandu għan-nies ta’ ġilda skura? Dawn żgħażagħ sbieħ, bjondi, b’ġisem perfett. Għad irrid niltaqa’ ma’ nies arroganti u psataż bħalhom! Għal min hu razzist dawn perfetti allura? Dawn huma t-turisti li qed jiġu? Meta jaqalgħu xi ġlieda nitħassruhom xħin jaqalgħu xi daqqa ta’ flixkun ġo rashom? Fejnhom it-turisti li kienu jiġu biex jaraw il-Blue Grotto u l-Caravaggio? Fl-ajruplan ma rajtx minn dawk."

Kieku kont intom fil-pożizzjoni tagħha, x'kontu tagħmlu?


Gwida.mt