Danita taħdem fil-midja soċjali u kuljum ittella’ ritratti u filmati ta’ xi jkun ġralha fil-ħajja tagħha u dak li għaddejja minnu. Hi kienet fuq il-faċċata tar-rivista tagħna dan ix-xahar u ma setax jonqos li Anthony jistaqsiha xi mistoqsijiet dwar il-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

Danita kellmitna ukoll dwar Lenny u x'jixtieq għall-Milied din is-sena. Iżda ngħiduha kif inhi, ċerti ġugarelli jidher li mhux Lenny biss jieħu gost bihom iżda anke ommu! Araw x'kellha tgħidilna Danita.

Xi jfisser għalik il-Milied?

Familja. Jien il-Milied inħobb inqattgħu ħafna mal-familja u issa iktar u iktar li Lenny qed jifhem. Għalina, il-Milied huwa sentimentali ħafna; jogħġobni ħafna.

Rigal sabiħ għal Danita?

Kemm ilni li għandi lil Lenny qisni lanqas inkun nixtieq xejn, li nkunu flimkien biżżejjed. Imma l-iktar rigal li jista' jkolli hu li jiftħu l-Christmas markets u ninsew din il-Covid għax xbajt. Rigal materjali lanqas naf, lanqas biss ħsibt xi rrid.

It-toys għalik tixtrihom jew għal Lenny?

Għat-tnejn! It-toys jien sirt niġġennen għalihom daqsu jew iktar minnu, imma Lenny iħobb ħafna jilgħab. Imbagħad hemm toys u toys. It-trains nixtruhom iktar għalih u toys edukattivi, li tipo trid tpoġġi miegħu biex tużahom, nixtrihom għalija.

Xi jrid għall-Milied?

Għall-Milied irid track kbira ta’ Thomas. Diġà xtrajtha għax sibtha u xtrajthielu u ħa ntihielu fil-Milied bħat-tradizzjoni. Jiena qatt ma trabbejt bis-Santa Claus. Aħna ommi kienet tgħidilna li ħa tixtrihulna, allura ma rridx nagħmel hekk u nixtieq nagħmillu elf on the shelf u dawn it-tradizzjonijiet tal-Milied.

Inti din is-sena ukoll tlaqt mix-xogħol full time. Kif tħossok?

Jiena naqqast minħabba t-tifel u kelli min jaħdem il-ħanut. Imbagħad bil-Covid vera morna lura bħal ħafna businesses sfortunatament u la jien għandi xogħol fuq Instagram u social media, għalaqt il-ħanut biex ikolli iktar ċans għal mat-tifel u dan ix-xogħol.

Għaliex se tibqa’ mfakkra din is-sena għalik?

Din is-sena bħal kulħadd se nibqa’ niftakarha bil-Covid jien. Din is-sena ma ġrali xejn speċjali apparti Lenny li twieled is-sena ta’ qabel. Imma din is-sena għalija se tibqa’ tfakkarni fil-Covid. Jien il-Covid għallimni ħafna, naħseb l-affarijiet kollha li għallimt lit-tifel kienu ħafna bis-saħħa tal-Covid għax qgħadna ħafna d-dar u anka lil Lenny gawdejnieh ħafna.

L-intervista sħiħa dehret fir-rivista tagħna tax-xahar ta' Diċembru.

iCam Studios


Anthony Baldacchino