Aħna ta' Gwida.mt, kellna ċ-ċans li nitkellmu ftit ma' Nicole Hammett li rajnieha tieħu wieħed mill-Golden Buzzers fuq Malta's Got Talent u din is-sena kellha avventura differenti hekk kif ħadet sehem ġo Face of Gaeatano fejn spiċċat fit-tieni post.  Nicole qasmet magħna wkoll xi ritratti minn meta kienet żgħira u oħrajn aktar riċenti. Araw x'kellha xi tgħidilna hawn taħt! 

Nicole, din kienet l-ewwel sena mill-famuż Golden Buzzer ta’ Malta’s Got Talent. Kif tħossok li għenitek l-esperjenza ta’ MGT u titħajjar tagħmel kompetizzjonijiet oħra?

Kien vjaġġ mill-aqwa is-sena li għaddiet li għeni nikber mentalment speċjalment bl-affarijiet li jien u l-familja tiegħi għaddejna minnhom minn wara l-kwinti waqt li qed nippreparaw għas-semifinali.

Tul l-aħħar sena rajna lil Nicole fl-irwol ta’ mudella wkoll! X’ħajrek li tikkompeti fil-kompetizzjoni Face of Gaetano u ħa naraw aktar minn Nicole f’din ix-xena?

Jien dejjem inħobb nisfida lili nnifsi u nipprova affarijiet ġodda u l-immudellar dejjem kien xi ħaġa li ridt nipprova u jien ferħana li għamilt din l-isfida. Nixtieq nidħol f’xi paegant fil-futur imma rrid nerġa' nimxi fit-triq it-tajba sabiex nagħmel dan.

Kieku kellek tiddesrkivi s-sena 2021 fi tliet kelmiet xi jkunu? Għaliex proprju dawn it-tliet kelmiet?

Kieku kelli nagħżel tliet kelmiet biex niddeskrivi s-sena tiegħi trid tkun imħabba, avventura u opportunità. Għażilt l-imħabba għal ħafna raġunijiet imma l-aktar għax bdejt noħroġ mal-aqwa ħabib tiegħi din is-sena u ma kien xejn ħlief l-aqwa persuna u jien tassew grata.

Barra minn hekk, din is-sena għaddejt minn vjaġġ ta’ imħabba lejha nnifsi li qatt ma kont nemmen fih qabel iżda kienet skoperta kbira għalija. Għażilt l-avventura għax għamilt ħafna affarijiet li ma kontx naf li kont kapaċi għalihom bħal nidħol għal Face of Gaetano u wkoll ngħaddi l-A Levels tiegħi.

Fl-aħħar nett għażilt l-opportunità li nidħol fl-università biex insir għalliem tal-Primarja peress li kienet waħda mill-akbar sfida u opportunitajiet sbieħ ta’ ħajti.

Hemm xi ħolma, aspirazzjoni jew xi xewqa partikolari li tul din is-sena li ġejja tixtieq li twettaq?

Nixtieq nibqa' nkanta u forsi nidħol f'kompetizzjonijiet oħra jew naħdem fuq l-ewwel album tiegħi.

Kieku Nicole jkollha tagħżel fejn tqatta’ l-bidu tal-Ewwel tas-Sena – fejn tagħżel li tqattgħu u għaliex?

Nixtieq inqatta' s-sena l-ġdida mal-familja tiegħi, l-għarus tiegħi u l-familja tiegħu u ż-żewġ iklieb prezzjużi tiegħi Chloe u Pearl Noelle.

Nicole tagħlaq b'ringrazzjament lejn it-tim tal-Gwida.mt tas-sapport kollu tagħhom tul l-aħħar snin u tawguraw lil kulħadd is-sena t-tajba.


Emil Calleja Bayliss