Patrick Razanakoto, ta’ 19-il sena jgħix fir-raħal ta’ Ambatondrazaka f’Madagaskar. Huwa jkabbar ir-ross u bħal bdiewa oħra jixtieq iżid it-tkabbir tal-prodott tiegħu, bħalma diġà għamlu xi bdiewa oħra. Dan ser ikun possibbli billi jużaw żerriegħa tar-ross Ċiniża. Iż-żagħżugħ jgħid li dan ser jagħti futur aħjar lill-familja tiegħu u lil ħafna familji oħra, li lkoll jixtiequ li jkollhom l-art tagħhom u mhux li tkun mikrija. Il-bdiewa jixtiequ li wliedhom ma jbatux bħalma batew huma u li jkollhom opportunità li jistudjaw.

 

Il-kumpanija Ċiniża Matagri, qed tikri l-għelieqi lil dawn il-bdiewa, tagħtihom iż-żerriegħa u l-fertilizzanti, u wkoll tixtri l-prodott tagħhom. Lil xi wħud, Matagri tipprovdilhom ukoll il-makkinarju u l-flus li jkollhom bżonn. Wara l-ħsad, kulħadd jieħu sehmu mill-profitt. Minbarra li din iż-żerriegħa Ċiniża hija tajba fit-togħma u ġġib prezz aħjar minn dik lokali, tipproduċi ferm aktar ross u tista’ tiġi kkultivata s-sena kollha. B’hekk il-bdiewa ser ikollhom aktar qligħ u matul is-sena kollha, u mhux ser jesperjenzaw aktar il-problema ta’ nuqqas ta’ ikel.

 

 

Il-Madagaskarjani jieklu r-ross tliet darbiet kuljum, b’kull persuna tikkonsma mal-114-il kilo fis-sena. Bħalissa Madagaskar jipproduċi 5.9 miljun tunnellata ta’ ross, li huwa ftit wisq komparat ma’ popolazzjoni ta’ 22 miljun ruħ. Dan li jwassal għall-faqar, imma bis-saħħa ta’ din iż-żerriegħa ġdida, il-futur għall-Madagaskarjani, speċjalment għall-bdiewa tar-ross, jidher li ser ikun aħjar.

Permezz ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta fil-Belt u l-Mosta, qed jgħin nies f’sitwazzjonijiet simili jgħixu ħajja aħjar, u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’tama ġdida. Dan billi jinbnewlhom l-iskejjel, jinxtrawlhom il-kotba u materjal ieħor tal-iskola għat-tfal, filwaqt li joffrilhom saqaf fuq rashom, ikel, ilma nadif, ħwejjeġ u mediċini. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.


Gwida.mt