Andrew Zahra, jiġi ħu Julie Zahra li rrapreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest fl-2004. Barra li hu kompożitur bravu, lil Andrew ħafna jafuh bħala preżentatur fuq F Living Channel. Il-programm tiegħu X'Laqatni jixxandar kull nhar ta' Ħamis mis-18:00 'il quddiem. Għamel żmien jippreżenta fuq ONE TV u żgur li ħafna jiftakru l-karattru tan-Nannu Spagu li kien popolari ferm mat-tfal u anke l-adulti!
Barra minn dan, għamel żmien ukoll fejn kien jippreżenta fuq ir-radju u ħafna drabi kien iwassal programmi jew ta' mużika Maltija jew inkella dawk relatati max-xena tal-musicals. Wieħed mill-akbar suċċess ta' Andrew bħala kompożitur hu żgur ir-rebħ tal-Festival Internazzjonali Tal-Kanzunetta Maltija, fejn kien ikkompona l-kanzunetta rebbieħa tal-2001 Fomm Il-Vjolin fuq kliem ta' Deo Grech u interpretazzjoni ta' Georgina Abela.
Il-kanzunetta għadha popolari sal-lum il-ġurnata u minn żmien għal żmien taf tinserta wkoll fuq ir-radju! Fl-2004 Andrew kien rebaħ il-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta L-Arka tal-Libertà fuq kliem ta' Mario Fenech Caruana u interpretazzjoni tal-aħwa Natasha u Charlene Grima. Barra minn hekk fl-istess sena għen il-Young Talent Team jiktbu l-kanzunetta li biha rrapreżentaw lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest li ġġib l-isem ta' Power of A Song.
Fatt kurjuż li ħafna forsi ma jafux hu li Andrew kien l-ewwel persuna li kkompona kanzunetta oriġinali lill-ewwel rebbieħa ta' X Factor Malta, Michela. Kanzunetta bl-isem ta' Gwerra Oħra li kienet ħadet sehem ġo festival lokali ta' kanzunetti oriġinali għall-kantanti promettenti! Sena wara, Michela ikkompetiet b'kanzunetta oħra b'kompożizzjoni tiegħu bl-isem ta' Wara l-Bieb fejn kienet spiċċat ir-rebbieħa ta' dik il-kompetizzjoni!
Insomma lura għal għeluq snin Andrew, aħna konna sorpriżi ferm meta skoprejna kemm ħa jagħlaq... illum Andrew jiċċelebra 40 sena mit-twelied tiegħu u nistqarru magħkom li tassew ma jidhiromx. Konna naħsbuh ħafna iżgħar. Aħna f'isem Gwida.mt nawguraw lil Andrew l-isbaħ xewqat f'dan il-jum speċjali, nawgurawlu sena mimlija b'suċċessi u dak kollu li tixieq qalbu. Awguri!