Illum jiċċelebra għeluq sninu Deo Grech. Ħafna lil Deo jafuh mhux biss għal kanzunetti sbieħ li kiteb tul is-snin, imma wkoll għal preżentazzjoni ta' numru ta' programmi divertenti li dejjem tella'.

L-imħabba tiegħu lejn il-Eurovision Song Contest hi magħrufa ma' ħafna u mhux l-ewwel darba li rajnieh ixejjer il-bandiera Maltija li hi tant għal qalbu, fuq it-televiżjoni wara li Malta tkanta. Qatt ma ddejjaq jesprimi l-imħabba tiegħu lejn il-Malti u dejjem kien minn ta' quddiem li jgħid li għandna bżonn bidla ta' kif taħdem is-sistema tal-għażla tal-kantant u tal-kanzunetta għall-Eurovision Song Contest.

Ritratt: Facebook / Deo Grech

Waqqaf is-Summer Hit Song Contest, konkors b'kanzunetti oriġinali u tul is-sitt edizzjonijiet li saru rajna sitt rebbieħa stabbiliti fix-xena lokali. Dawn jinkludu lil Miriam Christine, Neville Refalo, Romina Mamo, Dominic ft. Siconix, Domenique Azzopardi u Julie Pomorski.

Meta staqsejna lil Deo dwar l-isbaħ memorja dan is-sajf qalilna: "'Il-bagalja dejjem lesta!"" inħobb niċċajta ma’ dawk li jafuni mill-qrib. Għalhekk ma jonqosx li s-sajf ikun okkażjoni oħra fejn il-bagalja tas-safar terġa’ tintuża u tintuża fit-tul. Minn qalbi nirringrazzja lil Adrian Spiteri li bla dubju ta’ xejn huwa l-aqwa ‘’holiday planner’’ li qatt wieħed jista’ jkollu."

Ritratt: Facebook / Deo Grech

Deo qalilna li s-sena l-oħra żar gawda l-ġmiel ta' l-Iskozja, filwaqt li din is-sena marru jgawdu Wales."Xtaqt nibqa’ hemm daqs kemm għoġbitni, speċjalment fl-inħawi tal-muntanji magħrufa bħala l-Black Mountains u l-bajja ta’ Rhossili. Qabel Wales morna Pariġi u ladarba konna hemm qattajna erbat ijiem mill-isbaħ f’Disneyland Paris."

Deo jistqarr li għalkemm jgħid li ħa x-xewqa li jerġa' jżur kull pajjiż qiegħda hemm, fil-fond ta’ qalbu jemmen "li d-dinja hi kbira u mgħonija b’ħafna pajjiżi u postijiet sbieħ u jkun ħasra li naħlu opportunita’ biex inżuru post ieħor ġdid għalina."

Ritratt: Facebook / Deo Grech

Meta mistoqsi dwar proġetti ġodda, Deo jgħidilna "fuq livell personali nagħżel li nibqa’ nkun reżiljenti u ottimist b’tali mod li nagħżel, b’mod konxju, li nkun imdawwar biss b’nies ta’ enerġiji pożittivi u li lesti nifirħu bis-suċċessi ta’ xulxin."

Aħna f'isem Gwida.mt nawguraw lil Deo l-isbaħ xewqat f'dan il-jum tant għażiż! Nixtiqulu sena mimlija b'dak kollu li tixtieq qalbu! Awguri!

Facebook / Deo Grech


Emil Calleja Bayliss