Lon Kirkop, il-kantawtur li għamel id-debutt tiegħu fl-Għanja tal-Poplu, rebaħ it-tema soċjali bħala awtur għat-tieni sena konsekuttiva. Lil Lon nafuh bħala kittieb għall-palk, bħala preżentatur, kompożitur, awtur u kantant.
L-arti hi għal qalbu, meta staqsejnieh jekk għandux xi rwol preferit jgħidilna, "L-arti li nagħmel hi kollha għal qalbi u nagħmilha bi mħabba kbira. Imma kieku kelli nagħżel bejn dak kollu li nagħmel, nagħżel li nikteb il-kotba. Hemm xi ħaġa fil-kitba u l-pubblikazzjoni li ma nistax nispjegaha. Madankollu beħsiebni nibqa’ nesplora kull qasam li naħdem fih għax ilkoll kemm huma fihom is-sodisfazzjoni tagħhom."
Ritratt: Lorella Castillo
Aħna ma stajniex ma nsaqsuhx dwar is-suċċess ta' tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Lon jgħidilna, "Bla ebda dubju din l-esperjenza u l-kanzunetta Straight ifissru ħafna għalija. Minn dejjem xtaqt li niddebutta bħala kantant b’kanzunetta personali u li nkun ktibt kemm il-kliemu kif ukoll il-mużika jien stess."
Hu jispjega, "Meta ktibt Straight, mill-ewwel indunajt li fiha xi ħaġa speċjali u li taf tolqot lil ħafna nies, għalhekk iddeċidejt li nissottomettiha għall-Għanja tal-Poplu bit-tama li nagħmilha għall-finali. Mhux biss irnexxieli nagħmilha għall-finali imma wkoll irnexxieli niġi premjat bil-premju tant prestiġjuż tal-Aħjar Tema Soċjali."
Dan kien premju li rnexxielu jirbaħ is-sena li għaddiet ukoll permezz tal-kanzunetta Għadu Ma Sarx interpretata minn Kelsey Bellante. Lon jgħidilna, "Ninsab grat li erġajt ġejt rikonoxxut għall-kitba tiegħi. Dan il-premju jkompli jagħtini ħafna izjed kuraġġ li nkompli nikteb b’mod sinċier u minn qalbi."
Ritratt: Lorella Castillo
Hu jispjega magħna ta' Gwida.mt, "Jien ma niktibx bit-tir tal-premju f’moħħi, kif dejjem ngħid, nikteb għax inħoss il-bżonn li nesprimi ruħi bil-modi li l-aħjar inħossni komdu fihom, l-arti u l-kitba, imma li tiġi rikonoxxut b’dan il-mod, bla ebda dubju li jimlik bil-kuraġġ u jikkonfermalek li dak li qed toħloq qiegħed jintlaqa'."
Il-kanzunetta jidher li marret lil hinn mill-festival, għax bdiet tmis il-qlub minn qabel. Lon jistqarr magħna, "Ħa nkun onest, qatt ma immaġinajt li din il-kanzunetta kienet ser tagħmel dan l-impatt kollu. Mill-ġurnata li Straight ġiet ippubblikata fuq il-midja soċjali, irċivejt ħafna messaġġi mingħand individwi li għaddew mill-istess esperjenzi tiegħi jew esperjenzi simili, u li anki f’dan il-mument għadhom għadejjin minn dawn l-esperjenzi."
Hu jkompli jgħidilna, "Bla ebda dubju messaġġ li missni u żgur li ser jibqa f’qalbi hu li rċivejt mingħand individwu fejn kitibli li l-kanzunetta Straight għamlitlu l-kuraġġ biex jaċċetta iżjed lilu nnifsu u saħansitra jgħid lil ġenituri tiegħu li hu gay."
Ritratt: Lorella Castillo
Lon iżid, "Messaġġi oħrajn li rċivejt u li jkolli nistqarr li qasmuli qalbi huma mingħand nies li fetħu qalbhom miegħi dwar is-sesswalità tagħhom, imma li qed jgħixu fil-biża’ u fil-moħbi għax għadhom mhux lesti li jaċċettaw lilhom inifishom u joħorġu ma dawk l-aktar li huma qrib tagħhom għax jibżgħu li jiġu miċħuda jew abbandunati."
Dwar dan hu jikkonkludi, "Dawn il-messaġġi ħallewni b’diqa kbira ġewwa qalbi għax ħassejtni li ma għandi l-ebda saħħa biex ngħinhom. Minn qiegħ qalbi nitlob li dawn l-individwi jsibu s-saħħa li jaċċettaw lilhom innifishom u jgħixu kuntenti kif inhuma għax il-ħajja wisq qasira u sabiħa biex ngħixuha f’gidba."
Hu jieħu ċ-ċans li jgħid żewġ kelmiet mill-qalb li jfissru d-dinja, "Minn hawnhekk nixtieq nagħmel appell għax nemmen li lkoll flimkien nistgħu nagħmlu d-differenza. Ejjew bħala individwi nkunu ftit iżjed umani u nqisu ftit iżjed il-kliem li ngħidu biex ma nweġġgħux lil ta’ madwarna."
Lon iżid, "Jekk nagħmlu ftit tal-isforz u ma niġġudikawx u nipprovaw nifhmu dak li jkun għaddej minnu ħaddieħor, nemmen li nistgħu nagħmluha ħafna izjed faċli għal dawk li għaddejjin minn dawn l-isfidi."
Lil Lon nieħdu ċ-ċans nistaqsuh x'hemm pjanat fix-xhur li ġejjin. Hu jistqarr, "Bla ebda dubju, aktar kitba u arti. Wara din l-esperjenza mill-isbaħ tal-Għanja tal-Poplu ser ikun qiegħed ukoll naħdem biex noħroġ materjal ġdid bħala kantant. Hemm ħafna iżjed stejjer ġenwini ġewwa fija li jixtiequ jaraw id-dawl tax-xemx."
F'isem it-tim ta' Gwida, nawgurawlu kull suċċess f'kull qasam li jinsab involut fih! Awguri mill-qalb!
Lorella Castillo