Fl-artiklu li ħareġ erbat ijiem ilu għidnielkom li l-kantanta lokali, Jessika Muscat tinsab fi Spanja biex tagħmel il-Camino de Santiago. U llum waslet fid-destinazzjoni finali!

Matul l-aħħar kilometri ta’ dan il-pellegrinaġġ, Jessika tellgħet diversi ritratti ta’ veduti qalb in-natura. Minkejja li din il-mixja twila twila mhi faċli xejn, però naħseb li meta tara dawk il-veduti pittoreski tinsa l-għeja kollha li tkun qed tħoss! Apparti minn hekk, f’kull ritratt, Jessika dejjem kienet tidher li qiegħda fis-seba’ sema!

Jessika għamlet din l-avventura ma’ grupp ta’ Maltin oħra. Wara dak il-mixi kontinwu, żgur li kienu xi naqra fuq ix-xwiek biex jaslu fid-destinazzjoni finali, ta’ Santiago de Compostela, speċjalment fl-aħħar ftit kilometri! Iżda żgur li kienet avventura mill-isbaħ, li mhu se jinsew qatt!

Jessika, flimkien mal-grupp li telgħet miegħu mxiew ’il fuq minn 100 kilometru! Minjaf x’sodisfazzjon ħassew meta waslu Santiago de Compostela! F’isem Gwida.mt, nixtiequ ngħidu prosit kbira lil Jessika u lill-grupp Malti!

Instagram / @jessika_muscat_official


Yasmin Camilleri