Tererai Trent twieldet f’raħal fiż-Żimbabwe. Missierha kien jemmen li l-bniet ma kellhomx għalfejn imorru skola. Iżda t-tifla ma qatgħetx qalbha u fil-ħin liberu li kien ikollha kienet tgħallem lilha nfisha tikteb u taqra. Fi żmien qasir Tererai bdiet tagħmel ix-xogħol tal-iskola ta’ ħuha minflok jagħmlu hu. Meta l-għalliem tal-iskola sar jaf b’dan, talab bil-ħerqa kollha lil missierha sabiex iħalliha tattendi l-iskola.

Sa fl-aħħar il-missier aċċetta u Tererai bdiet tmur l-iskola, iżda mhux għal wisq żmien. Dan għaliex fl-età tenera ta’ ħdax-il sena, Tererai ngħatat għaż-żwieġ minn missierha bi tpartit ma’ baqra. Ftit tas-snin wara, Tererai, mara miżżewġa u qed tistenna l-ħames tarbija tagħha, bdiet tħossha maqbuda f’ħajja li qatt ma xtaqet.

Jum fost l-oħrajn, voluntiera missjunarja żaret ir-raħal fejn kienet tgħix Tererai u staqsiet lin-nisa x’kien l-akbar ħolm tagħhom. Kulħadd qal tiegħu, imma Tererai baqgħet b’fommha sieket. Il-voluntiera malajr staqsietha dwar il-ħolm tagħha. Hawn Tererai fetħet qalbha u stqarret li xtaqet tmur l-Amerika sabiex tistudja u ġġib il-Masters u PhD. Impressjonata bl-ambizzjoni ta’ dik il-mara żagħżugħa, il-voluntiera qaltilha: “Jekk temmen fil-ħolm tiegħek, dawn isiru possibbli.”

Dawn il-kelmiet saru l-motto ta’ Tererai tul ħajjitha kollha. Ispirata b’dan il-kliem, iż-żagħżugħa kitbet il-ħolm tagħha, issiġillathom ġo bott u difnithom fil-ħamrija taħt ġebla kbira. Dan kien it-tluq sabiex twettaq il-ħolm tagħha. Kontra x-xewqa ta’ żewġha, Tererai nkitbet biex terġa’ tibda tmur l-iskola b’determinazzjoni li tikseb diploma. Ta’ kull filgħaxija, wara li traqqad lit-tfal, hija kienet tgħallem lilha nfisha l-Matematika u l-Ingliż fid-dawl tax-xemgħa. Wara li falliet darbtejn mill-kors li kienet qed tagħmel, sa fl-aħħar, wara tmien snin, iggradwat.

Issa mara żagħżugħa b’diploma f’idejha, Tererai ħassitha bla biża’ ta’ xejn. Ma damitx wisq ma ġiet aċċettata minn università Amerikana, u flimkien ma’ żewġha u wliedhom emigrat lejn l-Istati Uniti. Il-ħajja kienet iebsa u Tererai kellha tikkumbatti ma’ erba’ xogħlijiet differenti, filwaqt li tistudja sabiex titma’ lill-familja tagħha. Kienet tfittex ikel mormi mill-ħwienet u ssajjar fuq spiritiera żgħira fil-karavan li kienu jgħixu fih.

Żewġha ma damx ma beda jgħir għas-suċċessi tagħha, tant li beda jsawwatha bla ħniena. Fix-xifer li taqta’ qalbha, Tererai ftakret sa fejn kien irnexxielha tasal u f’kemm sagrifiċċji għamlet sa minn dakinhar li difnet il-ħolm tagħha taħt il-ġebla. Żewġha ma damx ma ġie deportat wara li l-abbuż tiegħu sar magħruf mill-università. Wara li kompliet il-baċellerat, Tererai marret lura d-dar u fitxet fejn kienet difnet il-ħolm tagħha. Ftit żmien wara marret lura l-Amerika sabiex tikseb il-Masters u l-PhD, u rnexxielha!

Issa kien fadlilha biss ħolma waħda, dik li tagħti xi ħaġa lura lil raħal twelidha li kien żammilha l-ħolm tagħha sigur. Għalhekk bdiet tipprintja l-flokkijiet sabiex tbigħhom u tiġbor il-flus, iżda rnexxielha biss tbigħ għoxrin. Sakemm jum fost l-oħrajn irċeviet telefonata mingħand Oprah Winfrey, preżentatriċi famuża ta’ The Oprah Winfrey Show, li huwa ‘talk show’ Amerikan. Din offritilha miljun u nofs dollaru sabiex tibni skola. Tererai rnexxielha tiftaħ ħdax-il skola u tipprovdi edukazzjoni għal aktar minn 6,000 tifel u tifla. Bħala umanitarja Tererai tkompli tippromwovi l-edukazzjani u t-tama lil dawk kollha li jinsabu f’sitwazzjonijiet simili li kienet fihom hi.

Missio Malta, permezz ta’ diversi donazzjonijiet mingħand il-benefaturi, jaċċerta ruħu li missjunarji madwar id-dinja kollha, b’mod speċjali dawk f’pajjiiżi foqra ħafna, taslilhom l-għajnuna meħtieġa biex jaqdu l-ministeru tagħkom fost dawk l-aktar fil-bżonn, speċjalment tfal orfni, abbandunati jew mogħtija għall-iskjavitù. Jekk tixtieq tgħin jew għal aktar tagħrif ċempel 2123 6962. Tista’ wkoll tidħol fil-websajt www.missio.org.mt jew iżur il-paġna ta’ Facebook Missio Malta. Grazzi mill-qalb.


Gwida.mt