Każ ta' razziżmu ieħor seħħ ftit ilu ġewwa l-Imġarr, Għawdex, fejn xi persuni li kienu f'post pubbliku għall-affari tagħhom, raw quddiemhom azzjonijiet disgustanti u tal-biki. Kollox beda minn ġlieda bejn grupp ta' ħmistax kontra raġel mis-Somalja. 

Ir-raġel spiċċa msawwat b'mod mill-aktar agressiv, mgħajjar u anke tefgħuh fil-baħar. Kieku ma kienx jaf jgħum jew sab diffikultà, seta' tilef ħajtu. Il-persuna tirrakkonta dan fuq il-midja soċjali, u tgħid li huma jinsabu lesti biex jixhdu dak li raw u dak li għadda minnu r-raġel.

Il-kantanta lokali Pamela Bezzina rreaġixxiet għal dan li ġara, u b'rabja kbira kkundannat dan l-aġir immorali u salvaġġ. Pamela wriet rabja b'mod speċjali għal dawk in-nies li kienu preżenti waqt il-ġlieda u bdew anke iċapċpu waqt li l-vittma ġie aggredit bla ħniena. "Kemm sirna nazzjon disgustanti. jekk naf lil xi ħadd minnkom, tazzardawx tiġu tkellmuni, intom tassew tal-mistħija..." 

Pamela xxerred il-messaġġ u tqajjem kuxjenza kontra r-razziżmu. Prosit lil dik il-persuna li qassmet din l-esperjenza għal aktar għarfien u kuxjenza, u prosit Pamela li kont minn ta' quddiem li xerridtha. Hemm bżonn li dan ir-razziżmu jieqaf darba għal dejjem!


Kyle Zarb