Julie Pomorski, mhux wiċċ ġdid żgur fix-xena lokali. Bdiet ta’ età żgħira tippreżenta fuq it-televiżjoni u kisbet ukoll suċċess bħala kantanta fejn rajnieha fil-Malta Eurovision u rebħet ukoll l-Għajna tal-Poplu u s-Summer Hit Song Contest. Illum il-ġurnata qed taħdem fuq materjal mal-band tagħha u hi wkoll għalliema tal-vuċi.
Imma ‘il bogħod minn dan kollu, Julie għandha tlett iklieb tal-istess razza, ferm u ferm għal qalbha. Kważi kważi qishom it-tfal tagħha u dawk kollha li jafuha, anke ftit, jafu kemm Julie l-ħin kollu titkellem dwar il-klieb tagħha. Mir-ritratti li ħa taraw, ma tistgħux ma tiggustawx lil dawn il-klieb.
Julie, Nina kienet l-ewwel waħda. Kif tħajjart taddotta kelba ta' din ir-razza? Aħna ħsibna għax forsi bin-nokkli wkoll!
Aħna minn dejjem addottajna l-klieb u qatt ma xtrajna. Però meta ġejt biex inġib ġeru u xtaqtha f’Novembru, iddeċidejt li nfittex razza (anke jekk tkun imħalta) adattata għall-lifestyle tiegħi. Il-Wire Fox Terriers kienu r-razza ideali għax żgħar, ferriħin u intelligenti ħafna. Meta mort biex nara l-puppies, tbaxxejt kokka mal-art u għidt li l-ewwel kelba li tiġi tifraħ bija, tkun hi. Nina ġiet tiġri u tilaqni bħal indunat li se nkun ommha!
Kif ġew it-tnejn l-oħra? X'fettillek? Tlett iklieb min jaf x'ġenn!
Qisek dħalt iż-żoo! Aħna minn dejjem bil-klieb id-dar, imma dejjem waħda biss kien ikollna. Però darba minnhom sibt il-mobile mifqugħ bit-‘tags’ fuq Facebook: kelb abbandunat tal-istess razza qed ifittex familja. Ma stajtx nirreżisti u addottajna lil Nelson! Nina u Nelson kellhom il-ġriewi u kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti... Nina kellha 6 u żammejna wieħed minnhom: Norbert! Lil Nina sewwejnieha issa għax ma nixtiequx li jerġa’ jkollha u aħna m’aħniex breeders.
Għaliex isimhom kollha jibda bin-N? Min fej gew l-ismijiet?
L-aktar isem favorit tiegħi hu “Nina” u għalhekk kienet sempliċi li nsemmiha hekk. Però meta ġie Nelson, xtaqna insemmuh xi haġa posh għax hu vera ġentlom, u ddeċidejna li nsemmuh bin-N ukoll... is-Sur Nelson Pomorski. Imbagħad ġie ż-żgħir li semmejnieh bin-N bħalhom... Norbert Pomorski.
Min hu l-aktar kwiet jew ngħidu aħna kalm?
Nina bilgħaqal ħafna! Tobdi ħafna u qisha mara żgħira! Però Nelson, peress li għadda minn trawma meta kien żgħir, qisu qatt ma rkupra miskin u għalhekk hu kwiet xi ftit iżżejjed. Però xorta jħobb jimbaħ bħalhom, speċjalment meta jħabbat il-bieb!
Min hu l-aktar imqareb minnhom? Għamel/Għamlet xi bużulotta partikolari?
Żgur NORBERT!!! Imqareb wisq! Għadu jqatta’ l-affarijiet s’issa u mimli enerġija. Għad għandu sena però għandu karattru ħelu wisq! Jiġri mad-dar, jinbex lil Nina u Nelson, ikisser u jqatta’ u nħobbuh xorta waħda, pjuttost xi ftit iżżejjed! Iż-żgħir hux!
Kif imorru flimkien? Għandhom relazzjoni tajba?
Jidhru biċ-ċar li huma familja. Iħobbu ħafna lil xulxin, għalkemm meta jiġi ħin l-ikel ikollna l-argumenti! Bħal meta t-tfal ikunu jridu l-platt ta’ ħuthom “għax tiegħu fih aktar!” Jilagħbu ħafna flimkien u Norbert iċ-ċentru tad-dar, iduru għalih biex jilagħbu; tnejn kontra wieħed, il-ħin kollu jċedulu u jbusulu wiċċu.
Ġieli għamlu xi waħda minn tagħhom flimkien?
Darba missieri ħallha l-bieb miftugħ u ħarġu jimxu waħdehom hej! Min sabhom ċempilli għax dejjem bit-tags u meta mort għalihom bħal kienu komdi fid-dar il-ġdida! Għax huma dħulin hafna, però kont ħadt ghalija!
Kull min jafek jaf li tgħix ħajja mgħaġġla. Għandek ċans tgawdihom?
Nixtieq li għandi ċans iktar magħhom. Ommi tkun magħhom 24/7 però meta narahom inħobb intihom il-ħin speċjali tagħhom, wieħed wieħed! Fis-Sajf nippreferi noqgħod magħhom milli noħroġ... il-kumpanija tagħhom inħobbha wisq!
Julie tan-nokkli, Julie tal-klieb jew Julie l-kantanta? Liem tippreferi?
Julie. Tafni kif tafni, ma tagħmilx differenza. L-importanti li ismi jġib tbissima.
Xi tgħid lil dawk li qed jaħsbu sabiex jadottaw xi kelb/a?
Il-klieb qishom tfal! Jekk iġġib kelb, ġibu għall-ħajtek! Ma niflaħhiex meta xi ħadd jaddotta jew jixtri kelb u ma jkunx iridu aktar! Nelson għamel xagħar jagħmel pipi ma kullimkien meta ġibnieh u Norbert iqatta’ affarijiet ta’ valur u xorta waħda żammejniehom! Min ikollu tarbija ma naħsibx li jitfgħu ‘l barra għax jibki ħafna jew għax il-ħin kollu nbiddillu l-ħarqa! Jew għax jiġġieled ma’ ħuh!
Kliem Julie hu wieħed ta’ min jixtarr fuqu għax kultant dak li jkun ma tantx jaħseb l-affarijiet sew. F’isem Gwida.mt ningħaqdu f’dal-messaġġ li kelb hu għall-ħajtek. Kelb mhux rigal li tifraħ bih u tarmih, jew li kif jikber għax ma jibqax ħelu daqskemm ikun ħelu meta jkun ġeru neħilsu minnu.