It-12 ta’ Frar 2022 ser tibqa’ ċertament ġurnata speċjali għall-kantant lokali Ryan Hili, wara li ġimgħat ilu rebaħ it-tielet staġun ta’ X Factor Malta. Dakinhar Ryan uriena xi tfisser li tibqa’ perseveranti u determinat sakemm takkwista dak li tant ħlomt għalih.
L-isbaħ ħaġa f’dan kollu kienet li wriena kif tkun persuna onesta u umli, liema karatteristiċi tant spikkaw fih. Aħna ta’ Gwida.mt tkellimna ma’ Ryan kemm dwar l-esperjenza tiegħu f'X Factor Malta kif ukoll l-ambizzjonijiet tiegħu fil-karriera mużikali.
“Minn mindu kont żgħir kont inħobb insegwi l-X Factor ta’ barra minn Malta, kif ukoll il-Eurovision, kemm ta’ Malta kif ukoll ta’ barra. Minn dejjem kont noħlom li xi darba inkun qiegħed fuq dak lil-palk u fl-aħħar irnexxieli.”
Ryan kellimna wkoll dwar id-deċiżjoni tiegħu li japplika għal dan l-avveniment prestiġjuż, u kif l-episodji diffiċli matul ħajtu kienu parti mill-kuraġġ u ispirazzjoni li kellu.
“Fl-2018 sfortunatament tlift il-papa tiegħi f’temp ta’ xahar. Dak kien wieħed mill-iktar mumenti diffiċli ta’ ħajti u minn dakinhar l’hawn daħħaltha f’moħħi li aħna ħajja waħda biss għandna u importanti li ngħixu l-ħolm tagħna. Bis-saħħa t’hekk u bis-saħħa tas-sapport li kelli mill-familja u mill-ħbieb, iddeċidejt li napplika.”
Ritratt: Facebook/ Ryan Hili
Ryan jgħidilna kif qabel jitla’ fuq il-palk, dejjem jikkalma u jaħseb fuq il-prestazzjoni li jkun lest biex jagħti. Normalment jgħid talba u jieħu nifs kbir. U xi jgħidilna dwar l-isbaħ mument tul il-vjaġġ ta’ X Factor?
“L-isbaħ mument bla dubju kien meta rbaħt. Għadni s’issa nerġa’ nara dak il-mument u nħoss l-emozzjonijiet jiġru bijja. L-ikbar sfida li kelli kienet li noħroġ minn qoxorti. Bis-saħħa ta’ Howard irnexxieli nagħmel affarijiet li qatt ma kont noħlom li nagħmel.”
Fir-raba’ serata tal-Live Shows ta’ X Factor Malta Ryan kanta b’emozzjoni kbira l-kanzunetta Someone You Loved (Louis Capaldi). Dakinhar kellu prestazzjoni differenti mis-soltu, fejn ma kantax minn fuq il-palk prinċipali bħas-soltu.
“L-iktar prestazzjoni għal qalbi kienet ta’ Live Show 4 għax kantajt fuq palk żgħir f’nofs l-udjenza. L-atmosfera kienet wisq sabiħa u n-nies veru għenu biex il-prestazzjoni tidher isbaħ.” Ryan jgħidilna li għandu xewqa li jkanta bil-lingwa Maltija fuq palk quddiem udjenza numeruża.
Ryan tkellem magħna dwar kif għenitu u affetwatu f’ħajtu l-esperjenza ta’ X Factor Malta. “F’temp ta’ sena nħoss li bħala persuna u artist ħajti nbiddlet għall-aħjar. Il-kunfidenza fija nniffsi żdiedet u sirt nifhem iktar kif għandek tkun bħala artist fuq palk.”
“Naħseb li l-iktar ħaġa importanti f’din l-esperjenza kollha kienet li tgħallimt minn ħafna nies stabbiliti u mill-kontestanti l-oħra.”
Ryan diġà kien nieda żewġ kanzunetti oriġinali fl-aħħar snin. “Kemm Let Go kif ukoll Nistenniek jibqgħu żewġ kanzunetti verament għal qalbi għas-semplici raġuni li kienu l-ewwel żewġ kanzunetti oriġinali tiegħi. Kemm jien, kif ukoll Cliff Casha (l-awtur) u Cyprian Cassar (il-kompożitur), ħdimna ħafna għalihom”
It-tieni kanzunetta oriġinali li nieda Ryan f'Lulju 2021
Kellna kurżità jekk Ryan jitħajjarx jieħu sehem f'wieħed mill-akbar avvenimenti Ewropej u tant popolari f'pajjiżna, il-Eurovision Song Contest! "Li nirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision minn dejjem kienet xewqa kbira tiegħi, allura bla dubju r-risposta tkun iva. Ovvjament nimxu pass pass u naraw x’ser joffri l-futur, però huwa żgur li qiegħda fil-ħsieb tiegħi."
Fil-waqt li nirringrazzjaw lil Ryan tal-ħin tiegħu għal din l-intervista, nixtiequ li naqsmu magħkom il-messaġġ tiegħu lejkom il-qarrejja tagħna kif ukoll lill-pubbliku kollu.
“Minn qalbi nixtieq ngħid li jekk hemm xi ħadd li qiegħed ibati fis-silenzju minħabba xi ħadd jew xi ħaġa u qiegħed iżomm lura milli jagħmel dak li jixtieq, jerġa’ jaħsibha għax ħajja waħda biss għandna u importanti li ngħixuha bl-aqwa mod possibli. Illum hawn u għada ħadd ma rah. Fil-ħajja ser issib minn jgħinek u min iweġġgħek, pero jekk temmen fik inniffsek u taf li kapaċi tasal, importanti li tagħmel l-ewwel pass issa.”
Ritratt: Facebook/ X Factor Malta