Ftit tax-xhur ilu, Festivals Malta vara festival ġdid li jiffoka fuq iż-żfin, ta’ dixxiplini differenti. Dance Festival Malta li ser isir bejn it-28 u l-31 ta’ Lulju huwa festival multi-dixxiplinarju bil-mira li jibni spazju għal studenti u żeffiena kemm professjonali u dawk semi-professjonali, fejn jistgħu jkomplu jitħarrġu u jiżviluppaw il-karriera professjonali tagħhom filwaqt li jibnu relazzjonijiet ġodda li permezz tagħhom jinħolqu kollaborazzjonijiet ġodda.

Programmat fuq erbat ijiem intensivi ta’ workshops, masterclasses u prestazzjonijiet, il-festival ser ilaqqa’ diversi kulturi bis-sehem ta’ diversi żeffiena u koreografi kemm barranin kif ukoll dawk lokali. Apparti mil-workshops, ser ikun hemm ukoll diversi prestazzjonijiet mill-isbaħ ta’ żfin b’programm varjat ġmielu!

Ritratt: Matthew Maribelli

Waħda mill-prestazzjonijiet tal-festival iġġib l-isem ta’ WHO IS SHE?, li ftit taż-żmien ilhu ittellgħat minn Teatru Malta taħt id-direzzjoni ta’ Ruben Zahra, permezz t’interpretazzkoni b’saħħita minn Lee-N Abela akkumpanjata mis-soprano Nadia Vella. Din id-darba ser nesperjenzawha b’mod differenti permezz ta’ interpretazzjoni taż-żfin li ser tlaqqana ma’ diversi nisa influwenti minn stejjer bibbliċi u mitiloġiċi.

Ritratt: Andrew Rizzo

Moveo Dance Company ser jippreżentaw I AM ALEX, produzzjoni li titkellem dwar l-individwalità ta’ kull persuna – tema li tiġi interpretata permezz ta’ koreografija taż-żfin unika taħt id-direzzjoni ta’ Dorian Mallia u Diane Portelli.

Prestazzjoni oħra unika għal dan il-festival hija SALOMÉ li hija bbażata fuq dramm tal-poeta Irlandiż Oscar Wilde, b’mużika oriġinali ta’ Philip O’Meara. Tul din l-interpretazzjoni ser naraw il-battalja bejn Salomé, missiera Erodi, u San Ġwann Battista f’koreografija ta’ żfin kontemporanju u latin ballroom mżewqa b’temi ta’ korruzzjoni, kilba għal poter u divintà.

Jekk intom interessati tkunu tafu aktar żuru s-sit ta’ Dance Festival Malta fuq www.festivals.mt/dfm. Aħna ta' Gwida ser inkunu qed nintroduċu tliet prestazzjonijiet oħra minn dan il-festival fil-jiem li ġejjin ... Titilfuhomx!


Emil Calleja Bayliss