Division 7 ser jirritorna fuq l-istazzjon ONE għar-raba’ sena. Division 7 m’huwiex biss storja waħda iżda huwa ħafna stejjer illi jduru ma’ kull attur partikolari fis-serje. Kull karattru għandu l-istorja personali tiegħu, li fl-aħħar mill-aħħar dawn l-stejjer kollha qed jiltaqgħu u jingħaqdu biex jifformaw l-istorja ta’ Division 7.

Apparti minn hekk, hemm stejjer u sitwazzjonijiet li huma reallisimi ħafna. Is-sabiħ ta’ din id-drama hija li mhux biss drama imma insibu mumenti ta’ daħk, ferħ, rabja u jolqot l-emozzjonijiet kollha li bniedem jista' jkollu. Din id-drama irexxiela temmozzjona lin-nies b’mod differenti l-ħin kollu.Tkellimna ma’ Jason Zerafa, d-direttur, il-kittieb u l-moħħ wara Division 7.

Ritratt: Facebook / Jason Zerafa

Kif bdiet l-idea ta’ Division 7 u ghaliex jismu hekk?

Kienet ilha ħafna tberren l-idea f’rasi illi xi darba xtaqt nikteb u nipproduċi storja sakemm fl-aħħar poġġejt bilqiegħda u bdejt nikteb xi spunti żgħar illi kelli f’moħħi biex nibda nifforma din l-istess storja. Forsi ftit nies jafu, apparti n-nies li jaħdmu mill-qrib miegħi li l-ewwel karattri li ġew kreati kienu l-ispettur Matthew, is-surġent Chloe, Amir, Hassan, Ġanni, Salvu u Tino.

U dawn ix-xeni dehru s’issa?

L-ironija hi li l-istorja tant kibret li dawn l-istess xeni li jien kont ktibt għadhom lanqas biss ħarġu fl-istorja u minn kalkoli li nista' nagħmel dawn ix-xeni se joħorġu fit-tmien staġun.

Ritratt: Facebook / Jason Zerafa

Division 7 kien minn dejjem maħsub għal serje televiżiva?

Division 7 kien maħsub illi jsir film ġewwa ċ-ċinema, iżda l-idea maż-żmien tant kibret li ħassejt li kelli bżonn l-għajnuna ta’ xi ħadd biex din l-istorja tkompli timraħ. Kien hawnhekk fejn proprju avviċinajt lil Glen Callus, l-istess persuna li jaħdem il-karattru ta’ Matthew, għarraftlu l-ideat tiegħi fuq l-istorja u offrejtlu li jkun l-ewwel bniedem li jaħdem id f’id miegħi fuq dan il-proġett. Minn film għaċ-ċinema, l-idea imxiet għal serje ta’ tlettax-il episodju u maż-żmien kompliet tikber fejn illum għall-grazzja t’Alla wasalna biex naqbżu l-mitt episodju ta’ Division 7. Illum dan is-serje għandu 'l fuq minn 90 attur stabbilit f’Malta jaħdmu fih u huwa l-iktar program segwit fuq l-istazzjon ONE.

Division 7 għandu s-sett tiegħu! Kemm domtu tibnuh?

Kif beda jiżvolġi ix-xogħol fuq l-iscripts irrealizzajna li kien se jkun hemm ħafna xeni ġewwa division partikolari ġol-ħabs. Kien proprju hawn li jien iddeċidejt illi l-aħjar soluzzjoni biex jinħadmu dawn ix-xeni kellha tkun li jinbena set ta’ ħabs. Dan is-set dam tmien xhur biex inħadem u tlesta. Illum nistgħu ngħidu wkoll illi dan l-istess set huwa ċ-ċentru fejn issir ħafna xogħol mit-team sħiħ ta’ Division 7.

Ritratt: Facebook / Jason Zerafa

X’beħsiebna naraw ġdid din is-sena fuq Division 7?

Division 7 ma jinkitibx biss biex nagħtu pjaċir lin-nies biss wara ġurnata xogħol. L-għan primarju tagħna dejjem kien biex inwasslu messaġġi subliminali lill-poplu hemm barra, dejjem hekk għamilna u hekk ser nibqgħu nagħmlu. L-eċitament ta’ xeni kbar, b’saħħithom u kontroversajli żgur li mhux se jonqsu. Biex intikom assaġġ żgħir u tkomplu tifhmu aħjar x’irrid infisser b’dan li għadni kif għedt, fl-ewwel episodju tagħna ser naraw xi ħaġa li fuq it-televiżjoni Maltija qatt ma dehret.

Hemm ħafna xeni li jistgħu jidhru kontra l-knisja, għaliex tiktibhom?

Bħalma diġà għedt, l-għan primarju ta’ Division 7 hu li jwassal messaġġi ċari. Dan iseħħ mingħajr ebda distinzzjoni la fejn jidħlu istituzzjonijiet, la fejn jidħlu gruppi u lanqas fejn jidħlu nies. Aħna qatt ma żammejna lura milli niktbu l-ideat tagħna.

Ix-xeni li forsi qed jissejħu li huma kontra l-knisja, m’humiex maħsuba biex jkunu kontra l-knisja, anzi pjuttost bil-kontra. Ix-xeni huma miktubin apposta, bi ħsieb biex dawk il-ftit nies li jagħmlu l-ħsara u jirrapreżentaw lill-Knisja Kattolika, jwarrbu minn din l-istituzzjoni u ma jkompliex jagħmlu ħsara lill-komunità tagħna.

Infakkru lill-qarrejja tagħna li Division 7 ikompli nhar ta' Erbgħa fuq ONE TV. L-istorja dejjem tkompli tiġi aktar interessanti u dak li jkun impossibli biex ma jkunx qed jistenna x'ħa jiġri minn episodju għall-ieħor. 

Facebook / Jason Zerafa


Anthony Baldacchino