“Ħsibt li qatt ma kont se nerġa’ nagħmel drama.” Dawn kienu l-preċiżi kliem li qalilna l-awtur, il-produttur u d-direttur taż-Żagħka Desier Debono li flimkien ma’ Melanie-Jo Mangani, bħala s-soltu DM MIDJA qegħdin jaħdmu fuq id-drama l-ġdida Iż-Żagħka li se tibda mill-iskeda tal-ħarifa li jmiss fuq NET TV.
Dawn l-aħħar sena u nofs kienu diffiċli ferm għal Desier u Melanie, tant li ma kienx fi ħsiebhom jagħmlu drama oħra. Imma din il-produzzjoni, tant jidher li fiha potenzjal, ma setgħux jirriffjutaw. Huma taw l-ewwel produzzjoni meta kien għad għandhom biss tmintax -il sena.
Iż-Żagħka, huwa pjan differenti għal kollox miż-żewġ produzzjonijiet l-oħra li s’issa tana Debono. Storja pjuttost imħawwra b’uħud mill-aqwa atturi ta’ Malta. “Qegħdin nagħtu wkoll opportunitajiet lil uċuh ġodda.” li se jkunu qegħdin jagħmlu parti prinċipali għall-ewwel darba fi drama bħal din. Bħalissa flimkien mal-assistenti tal-produzzjoni u n-nies kollha involuti għaddej xogħol bi sħiħ fuq ix-xogħol ta’ qabel jibda l-ġbid uffiċċjali għal dawn l-episodji.
L-istorja pulizjeska, imma se jkun fiha stejjer imħallta ma’ dawk familjari, stejjer ta’ mħabba, forsi xi biċċiet li jistgħu jaħsdu, mingħajr ma jbeżżgħu lil dak li jkun. Saħansittra wkoll, ħsibijiet minn storja li se titqanqal mill-imgħoddi u anki biċċiet li jistgħu inisslu tbissima fuq fomm dak li jkun.
Minn x’ħin ġiet ippubblikata l-paġna uffiċċjali Iż-Żagħka fuq is-sit soċjali Facebook, waħda mill-iktar domandi komuni, kienet proprju “Xi tfisser Iż-Żagħka”? Staqsejna lill-awtur Desier Debono, li spjegalna li ‘żagħka’ hija kelma li kienet tintuża fl-antik, biex tirreferi għal xi ħadd, xi persuna li ma tkunx f’postha, ma tkunx azzettata, ġerrejja jew prostituta. Sintendi, jikkonfermalna li hemm parti mill-istorja li fiha jidħol l-aspett ta’ prostituzzjoni.
Kif diga’ semmejna, għalkemm l-istorja prinċipalment, ambjentata fl-elfejn u dsatax, se jkun hemm sitwazzjonijiet li joħduna lura fis-snin ħamsin, u għalkemm għal mumenti qosra, xorta hemm ammont sostanzjali ta’ xogħol u preparazzjoni kbira.
Mhux soltu jtawwal f’kitbietu, Desier Debono, imma mhux qed jeskludi l-probabbilita’ li din id-darba ma jkunx qed iwelled sensiela għal staġun wieħed biss. L-istorja fiha varjeta’ sħiħa ta’ karattri b’etajiet varji, għalhekk dan huwa wisq probabbli li jolqot lil kull wieħed u waħda li se ssegwu Iż-Żagħka fuq NET TV.
Hemm diversi aspetti li wieħed ikun irid iqis meta jipproduċi, f’dal-każ DM MIDJA, qalulna li teknikament, fejn jidħol xogħol relatat ma’ kamera u editing, se jkunu qegħdin iħallu f’idejn Eusebio Aquilina. Meta kienu għaddejjin mill-proċess li fih iridu jagħżlu l-atturi, kien hemm ħafna konsiderazzjonijiet, imma bla dubju li f’Ottubru li ġej NET TV, se jkun qed jagħtina prodott xieraq.
Fost l-atturi li se jkunu qed jieħdu rwol f’din is-sensiela l-ġdida ta’ Desier u Melanie, se jkun hemm; Jeanelle Spiteri, Joe Borg, Theresa Gauci, Daphne Said, Michela Dalli, Tania Bartolo, Doreen Cini, Renald Formosa, Jonathan Laferla u bosta atturi oħra, fosthom żewġt uċuh ġodda, Tyler Lofreda u Jelena Attard.
Debono ammetta li minn produzzjoni għal oħra qed jara kambjament inġenerali, “Konna għadna tfal meta bdejna u tgħallimna wisq mill-esperjenza... Imma nafux x’jiġifieri tibda mill-qiegħ” ħafna mix-xogħol fuq il-produzzjoni, l-proċess twil ta’ qabel ma l-episodju jasal fi djarkom, isir bejn tnejn, l-iktar tlieta min-nies, fejn ikunu inkarigati minn kulma jkun hemm bżonn.
L-atturi se nkunu qegħdin narawhom differenti għal kollox minn kif rajnihom qabel fi produzzjonijiet oħra passati, mhux biss bħala interpretazzjoni tal-karattru, imma wkoll fejn tidħol id-dehra u l-istil. Kemm Desier u kemm Melanie, meta jidderieġu, jkunu attenti għal kollox, u Desier meta jipproduċi jkun konċiż ħafna. Dawn huma valuri li finalment iwasslu għal xi ħaġa profressjonali.
Bosta kienu dawk li mexxew il-kelma fuq il-midja soċjali jew urew interess fil-proġett, kummenti ferm posittivi fuq din id-drama l-ġdida. Iż-Żagħka. L-unika linja ta’ storja li rnexxiela tikkonvinċi lil Desier Debono jerġa’ jibda jikteb.
Debono jgħid: “Il-pubbliku, għandu jsegwiha Iż-Żagħka u jappoġġjaha, għax qed issir u qed tieħu l-ħajja għal min se jsegwiha, b’imħabba sħiħa u l-imħabba tirbaħ fuq kollox.”
Facebook / Iż-Żagħka