F'għeluq l-anniversarju ta' Bjorn u Maria, Gwida.mt qed jippublika intervista ma' Maria. Maria u Bjorn iltaqgħu fil-Junior College, però ma żammewx l-kuntatt. "Darba waħda kont qed naqra l-aħbarijiet u rajt wiċċ Bjorn, jirrakonta l-istorja tiegħu fuq l-ALS, fl-ewwel intervista tiegħu. Ma stajtx nemmen x’qed naqra, kont ilni ma narah snin u ddeċidejt li nikkuntatjah biex nurih is-sapport tiegħi. Hu kien weġibni lura billi stedinni immur l-Ice Bucket Challenge li kien organizza l-għada, ġewwa Ta’ Xbiex. Minn dakinhar bqajna niltaqgħu kuljum!" tgħidilna Maria. 

Wara ftit żmien Bjorn jiproponi lil Maria ġewwa x-Shard, Londra. "L-esperjenza tat-tieġ hija ħolma, ġurnata mill-isbaħ, il-ferħ li rajt f'wiċċ Bjorn kien imprezzabbli".

X'tixtieq li jagħmel?

"Nixtieq li jagħmel dak kollu li jixtieq, kull ħaġa li tagħmlu kuntent u jaqta’ kemm-il xewqa għandu!" tgħidilina Maria. 

X'inhuma l-affarijiet li tiggusta u li jdejquk?

Maria tistqarr li ... "Niggustah jiekol! Niggustah ifittex il-fsied! Idejjaqni meta jilbes l-irwol tal-boss tiegħi fuq ix-xogħol! It-tnejn għandna ras iebsa b'hekk nargumentaw fuq ix-xejn!"

X'inhi x-xewqa tiegħek?

Ix-xewqa tiegħi hija ovja, għalkemm kważi impossibli. Qatt ma nieqaf nixtieq li nqum xi darba u jgħiduli li fieq, narah jimxi, jiġri u b’saħħtu.

Mill-ġdid Awguri Maria u Bjorn!


Anthony Baldacchino