Ivan Grech jkellimna dwar kunċert li se jkun qed jagħti f’Novembru li ġej ġewwa l-Awstralja b'risq il-guide dogs Victoria. Tkellimna dwar l-importanza għalih li jgħin lil min hu fil-bżonn, u għaliex iħoss il-bżonn li jagħmel dan. Somebody Like You, li ġiet imnedija ftit ġranet ilu, wasslet lil Ivan għall-ewwel kanzunetta u vidjow mużikali tiegħu bħala solista.

View this post on Instagram

A post shared by Ivan Grech (@ivangrech1969) on

Huwa fatt magħruf li t-talent tiegħek mhux biss tużah biex tpaxxi lin-nies iżda wkoll biex tgħin lil min ikun l-aktar fil-bżonn u tagħmel ħafna attivitajiet għal kawżi ġusti. Mhuwiex obbligu iżda din il-ħaġa qisha parti mill-identità tiegħek. Għaliex tagħżel li tagħmel dan?

Nemmen li fil-ħajja meta tagħti u tgħin fejn tista’, tkun qed tieħu lura f’qalbek. Int għidtli li mhuwiex obbligu, però jien ngħid iva, huwa obbligu li nkunu hemm għal xulxin, dan jagħmel il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna aktar serena. ħadd m’għandu jbati fis-skiet mingħajr għajnuna, ħadd m’għandu jkun injorat u abbandunat, persuna mhijiex numru.

Il-ħajja qabel kollox għandha tkun mibnija fuq rispett, simpatija u dinjità. Jien esperjenzajt tbatija bħal kulħadd, kemm personali u kif ukoll ma’ familjari, qraba u ħbieb. Tgħallimt li jkun xi jkun dak li għadejja minnu persuna, huwa importanti li jkun hemm xi ħadd ta’ spalla, ta’ għajnuna, xi ħadd li jisma’ u jipprova jifhem, is-solidarjetà għandha tirrenja b’kull mod possibbli.

Taħseb li jeħtieġ li aktar artisti jieħdu l-inizjattiva biex permezz tat-talent tagħhom jagħmlu differenza lil min ikun fil-bżonn?

Il-maġġoranza tal-kollegi u artisti Maltin jinvolvu ruħhom u jagħtu sehemhom f’attivitajiet filantropiċi, ħafna avvenimenti u trasmissjonijiet xahar wara xahar, sena wara sena jagħtu xhieda ta’ dan. Ħafna u ħafna artisti u personalitajiet minn kull qasam jieħdu inizjattivi u jagħtu sehemhom biex jippromwovu kawżi ġusti.

View this post on Instagram

A post shared by Ivan Grech (@ivangrech1969) on

Uħud jisħqu li l-ferħ ta' meta tagħti huwa ferm akbar minn dak ta' meta tirċievi. Taqbel?

Naqbel perfettament, u meta b’dak li tagħti tgħin lil ħaddieħor aktar u aktar. Kultant ma jkunx hemm bżonn wisq biex toħloq tbissima fuq wiċċ xi ħadd, sempliċiment b’ġest sempliċi tista’ tibdel il-burdata u l-ġurnata ta’ dak li jkun.

Ftit ġranet ilu nedejt l-ewwel kanzunetta u vidjow tiegħek bħala kantant solist. Xi ftit differenti minn tas-soltu. Kif oriġinat din il-kanzunetta u x'messaġġ qed tipprova twassal permezz ta' Somebody Like You?

Bħalissa qed niffoka ħafna fuq il-karriera bħala solist u ili ħafna bix-xewqa li nirrikordja u noħroġ xi ftit mill-ħafna kanzunetti li ktibt u kkomponejt tul dawn l-aħħar snin. Għandi ħafna siltiet interessanti u sbieħ li baqgħu fuq l-ixkaffa u issa għandi ċ-ċans. Somebody Like You hija l-ewwel kanzunetta u hija kemmxejn differenti minn dak li nipproduċi ma’ Winter Moods.

Xtaqt nibda b’xi ħaġa pożittiva u b’ħoss u atmosfera ftit aktar kummerċjali. Il-kanzunetta hija fuq kemm għandna ngħixu kull mument ta’ ħajjitna l-aħjar li nistgħu, ma nħallux il-passat ikun ta’ xkiel għall-preżent u l-futur tagħna.

Titkellem ukoll kemm huma kollha uniċi u importanti għalina l-individiwi li jagħmlu parti minn ħajjitna, kulħadd huwa uniku u speċjali b’xi mod jew ieħor. Il-vidjo huwa umoristiku, xejn drammatiku u kkumplikat, qed nipprova nkanta diska fi studjo u jinqala' minn kollox, nies, karattri, annimali u ħafna affarjiet oħra li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-vidjo, minn kollox inqala'.

F’Novembru li ġej se tkun qiegħed tagħti kunċert ġewwa l-Awstralja b'risq il-Guide Dogs Victoria. Kif wasalt għal dan il-proġett u xi pjanijiet hemm involuti?

Mindu mort l-ewwel darba l-Awstralja fl-1985 ili noħlom li nagħmel kunċert hemm, f’Melbourne. Mort lura s-sena l-oħra biex inqatta' ftit żmien mal-familja numeruża ta’ zijiet u kuġini li jgħixu hemm u ovvjament għamilt kuntatti u tħejjija biex anki din il-ħolma ssir realtà.

Għandi familjari u ħbieb li huma mużiċisti popolari hemm, allura hija aktar faċli u finanzjarjament vijabli li ntella' dan il-kunċert. Dan se jkun kunċert u spettaklu sħiħ bħal ma nagħmel hawn Malta. Sibt l-għajnuna ta’ ħbieb Maltin u sostenn ta’ sponsors minn ġewwa Melbourne u ovvjament bħal dejjem xtaqt li bħal ma nagħmel hawn ngħin lil xi NGO b’dan il-kunċert ukoll.

Jaffaxinawni ħafna l-klieb li jittrawmu biex ikunu ta’ gwida u jagħtu ħajja ġdida lill-persuni neqsin mid-dawl u għalhekk inkludejt lill-Guide Dogs Victoria li ukoll għandhom konnessjoni mal-Malta Guide Dogs foundation peress li kien hemm persuna minn Malta li għamel żmien magħhom biex jitgħallem u b’hekk ġab l-esperjenza tiegħu hawn Malta. Persentaġġ żgħir mill-fondi li se jinġabru se jmur ukoll għal Malta Guide Dogs Foundation. Il-kunċert se jsir fit-22 ta’ Novembru fil-Williamstown Town Hall ġewwa Victoria.

Titkellem ta' spiss dwar l-isfidi psikoloġiċi li xi darba jew oħra jgħaddi minnhom kulħadd. X'inhu l-messaġġ tiegħek lil dawk li qed jaqraw din l-intervista u li bħalissa qed jikkumbattu ma' dawn l-isfidi?

Kulħadd b’xi mod jew ieħor jgħaddi minn żmien diffiċli. Jien ukoll għaddejt minn fażijiet fejn il-ħajja ma kienet xejn feliċi. Wara kull wieħed u waħda minna hemm oċean, persuna mhijiex biss dak li naraw, li naħsbu jew li mingħalina nafu, hemm ħafna aktar minn dak li ngħidu u nisimgħu.

L-isbaħ ħaġa li nistgħu nagħtu lis-soċjetà li nagħmlu parti minnha hi li naraw u nfaħħru dak li huwa tajjeb f’xulxin, li nagħdru u nifhmu, li kulħadd għandu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu, però nemmen li meta toħroġ dak li hu tajjeb minn persuna, il-ħażin aktar hemm ċans li jisfuma fix-xejn.

Lil dawk li bħalissa qed jikkumbattu ma’ dawn l-isfidi nibqa' nisħaq li hija xi ħaġa naturali u normali li persuna tħoss il-bżonn li titkellem u tiftaħ qalbha, il-fatt li persuna tfittex l-għajnuna anki dik professjonali huwa sinjal ta’ kuraġġ u mhux ta’ djufija. M’hemm xejn ta’ mistħija meta persuna tfittex u titlob l-għajnuna, xi darba jew oħra kulħadd għadda jew se jgħaddi minnha.

Instagram / Ivan Grech


Roberta Magri