Il-kittieb u direttur Mario Azzopardi, li hu l-moħħ wara s-sensiela ta' suċċess Irbaħt Il-Lottu xtaq jaqsam messaġġ rigward dawk kollha li kienu parti minn dawn l-10 episodji li rajna, u l-ħidma ta' warajhom.

"Is-serje IRBAĦT IL-LOTTU spiċċa wkoll. Dan kien xogħol li ħadmu fuqu kważi mitt ruħ. It-talent, kemm dak artistiku kif ukoll tekniku, kien ovvju. Ma stajtx ikolli grupp ta’Atturi aqwa, lkoll kemm huma appoġġati minn tekniċi professjonali u dedikati. L-atturi tafu min huma għax għal dawn l-aħħar għaxar ġimgħat ltqajtu magħhom fuq l-iskrijns tagħkom, imma forsi ta min insemmi ukoll lil dawk li ma jidhru mkien..."

Mario jsellem lildawk li mingħajrhom Irbaħt il-Lottu ma kienx jasal għandkom daqshekk b'mod professjonali u effiċjenti. Isemmi lil Clive Bartolo, id-direttur tal fotografija, Jameson Cucciardi, li kellu f’idu il-muntaġġ, lil Michael Kissaun u Richard Starkey li kellhom f’idejhom it-tmexxija u l-ippjanar tal produzzjoni, Noel Watson li irrekordja id djalogi, Kevin Keenan, li għen lil Clive kif ukoll ħadem fuq il-kulur, l-Rachel Galea għall-Arredamenti.

Mario juri l-gratitudni lejn Elton Zarb li ħoloq mużika oriġinali u il-mixing. Ikompli, "...Lil marti Therese li ħadet ħsieb kemm il-kostumi kif ukoll, b'paċenzja kbira ferm, ħadet ħsiebi għax kieku ma kienitx hi żgur li ma kontx nkampa."

Mario jkompli, "Ma nippretendix li xogħoli se jingħoġob minn kulħadd. Dażgur li le, imma li jidħlu konsiderazzjonijiet bażwin, bħal kif jien inxaqleb politikament, (uffa xi dwejjaq) jew kif jirnexxili nsib il-fondi biex inwasslilkom dan ix-xogħol, jew tgħajjir personali, (li issa drajt) jgħajjuni u iva jfottuli ġurnata."

"Iva, naf li m’għandix nagħti kashom imma min jgħid li ma jiddejjaqx jaqra kummenti medjokri bħal dawn dwarhom, mhux qed jgħid il verità. Iva, għandi ħafna ippjanat imma issa id-deċiżjonijiet jekk isirux jew le qiegħdin f’id ħaddieħor. L-għażla f’idejhom."

Tixtiequ li taraw xi ħaġa simili ta' din is-sensiela minn Ottubru li ġej?


Kyle Zarb