Fir-rivista GWIDA li ser toħroġ il-Ħadd li ġej iltqajna ma’ Angie Laus. Il-programm, ‘Ħadd Għalik’ wara 13-il sena ser jieqaf. Staqsejna lil Angie fuq dan il-programm u x’ser jiġri f’Otturbu li ġej.
Tajjeb li wieħed ikun jaf li qabel Ħadd Għalik, Angie kienet tippreżenta Kulħadd fil-Pjazza. Dan il-programm kien jixxandar fix-xitwa minn pjazez differenti li kienet vera diffiċli għax il-produzzjoni kienet tkun esposta għall-elementi ta’ barra; xemx, xita, riħ u kull ħaġa li tinqala’. Barra minn hekk Angie u t-tim kollu kien iqum fil-ħamsa ta’ filgħodu u din ma kienet togħġobha xejn.
Wara din l-esperjenza kienu ssuġġerewlha tagħmel xi ħaġa differenti; u ħarġet bl-idea ta’ game show. Minn hemm beda Ħadd Għalik! Angie tgħidilna li l-idea tal-opposti jikkompetu kontra xulxin kienet ispirazzjoni mill-programm Taljan, Ciao Darwin. Ħaġa interessanti hi li l-isem intgħażel minn membru parlamentari! Angie tgħidilna, “Mhux jien kont għażiltu għax jien ma tantx ninqala’ għall-ismijiet. Dak Jean Claude, li llum hu membru parlamentari, kien ħareġ bih.”
Fl-ewwel skeda, kunsilli lokali differenti kienu jilagħbu kontra xulxin u r-rebbieħ kien jirbaħ għaxart elef euro. L-ewwel programmi vera kompetittivi u tant kienu daħlu fihom li kienet isserjat il-biċċa u t-tim ma xtaqx hekk; riedu xi ħaġa iktar leġġera. “B’hekk il-programm beda jevolvi u daħħalna iktar logħob li jista’ jsir ukoll fid-djar jew waqt xi BBQ jew xi festini tat-tfal. Mhux biss it-tfal kienu jħobbu jilagħbu l-logħob ta’ Ħadd Għalik imma anke l-adulti. Kienu jilagħbuhom fil-faċilità Korrettiva ta’ Kordin – u konna pprovdejnielhom il-props aħna – kif ukoll f’events tal-kumpaniji” tgħid Angie fl-intervista.
Ħadd Għalik kien sejjer tajjeb tant li ġab figuri sbieħ fl-aħħar survey tal-Broadcasting Authority. Kif waqaf? Angie tgħidilna li ... “It was time... jien kien ilni naħsibha fil-verità, imma minħabba ċ-ċirkostanzi kienu jgħiduli “u ejja, erġa' għamlu sena oħra”, u inti tagħti l-istess impenn li tagħti fl-ewwel sena, imma l-eċċitament ma jibqax bħal tal-ewwel sena għax inti, bħal kull ħaġa, tidra”
U issa? “Niftakar dakinhar f’mument spontanju (kulma ħaditli sekonda) aċċettajt li nagħmlu xi ħaġa oħra imma ma kontx naf xiex. Mort id-dar u nxħetna jien u tifel tiegħi Mick, li naħdmu ħafna flimkien u għamilna naqra brainstorming. Aħna dejjem għamilna programm li n-nies jistgħu jilagħbu logħob mid-dar bħalu; UEJJA huwa programm li n-nies jistgħu jilagħbu magħna mid-dar. Ħaġa li żammejna hi l-Music Machine għax tant kienet tintgħoġob u tant kienu jilagħbuha nies mid-dar li bilfors kellna nżommuha” tistqarr magħna Angie.
L-intervista sħiħa tista’ taqraha fir-rivista Gwida tal-Ħadd li ġej.
Clint Gerald Attard