Aħna ta' Gwida.mt irċevejna messaġġ mingħand qarrejja tagħna li kienet kontra li tieħu t-tilqim din is-sena iżda jidher li bidlet fehmta. Hi tibda billi tgħd, "Fuq ir-radju għaddej riklam il-ħin kollu sabiex wieħed jitlaqqam kontra l-influwenza u kontra l-Covid. Kemm se ndum nibla' ġo fija? Issa l-pandemija m'għaddietx? Kważi, kważi deċiża li din is-sena ma nieħu xejn!"
Iżda malajr jidher li nbidlet il-fehma tagħha. Hi tgħid, "Imbagħad ilbieraħ kelli bżonn inkellem lit-tabib. Għaddejt sa ħdejh filgħodu. Xi tkellmu tkellmu! Miżgħud bin-nies kemm fil-waiting room u kemm fuq il-bankina. Għidt issa ngħaddi ħin ieħor. Fi triqti lura fettilli ngħaddi l-Polyclinic. In-numru fuq l-iskrin kien jaqra 30. Lili missni s-60! Tgħid mhux se noqgħod nistenna! Wara nofsinhar erġajt ittantajt nasal wasla s'għand it-tabib privat. Kju bħal ta' filghodu. L-istess tard filgħaxija."
Hi tkompli tgħid, "Kien hawn fejn irriflettejt fuq dak li smajt u dak li rajt b'għajnejja. Għax jekk għadna Ottubru, bilkemm qaleb it-temp u s-servizz tas-saħħa sew jekk pubbliku, sew jekk privat ġa mifni, x'se jiġri hekk kif titfaċċa x-xitwa u l-mard jiżdied? Jekk in-nies ma titlaqqamx bi ħġarha bħal m'għamlet fil-pandemija, is-sistema tas-saħħa se tkun kapaċi żżomm fuq saqajha jew tikrolla? U jekk tikrolla s-sistema tas-saħħa u niġi bżonnha x'se nagħmel?"
Hi tkompli tgħid, "Malajr tajjart kull dubju minn moħħi. It-tilqima inħolqot biex tipproteġini. It-tilqima qiegħda hemm biex tgħinni nillimita dan il-mard staġjonali. It-tilqima ħolquha nies għorrief u professjonali fil-qasam mediku. L-istat Malti nforma ruħu qabel investa f'din it-tilqima u b'responsabbiltà offrihieli."
Din il-persuna tgħidilna, "Jien infurmajt ruħi dwar din it-tilqima u ninsab konvint li tagħmel bil-wisq aktar ġid minn deni. Jien qed nistenna bil-ħerqa li din it-tilqima tkun disponibbli sabiex neħodha. Inħeggek biex tagħmel bħali, tipproteġi lilek innifsek u lil dawk għeżież għalik. Ħudu ħsieb!"
Int ħa tagħmel bħal din il-qarrejja?