Mhux faċli meta tfalja ta' 14-il tispiċċa mitlufa. L-affari tikkumplika ruħha aktar meta hi tkun it-tifla ta' kandidat għall-elezzjoni. Malajr kulħadd jibda jispekola x'seta' ġara. L-iktar l-iktar minħabba l-fatt li s-suspettat ewlieni huwa iben xurban, ġuvni ta' 18-il sena li kien qed joħroġ ma' tfajla minorenni.

Ineż (Kienet Perfetta) imtella' minn ŻiguŻajg Festival ta' din is-sena titratta rekreazzjoni tar-ruman Ineż Farruġ. Verżjoni moderna. Verżjoni fi żmien il-Covid-19. Verżjoni li ħa żżomm lil dawk kollha li qed jaraw din is-sensiela ta' tliet episodji mkaħħla mal-iskrin minħabba l-fatt li kull żagħżugħ u żgħażugħa tista' tirrelata b'mod faċli ma' dak kollu li għaddej.

Il-lingwaġġ fl-ewwel episodju hu lingwaġġ li tista' tgħid daħal fil-ħajja ta' kull żagħżugħ u żgħażugħa u l-istorja hi ambjentata fi sfond li lkoll nafuh. Min ma jafx li ż-żagħżagħ ta' 13, 14, 15-il sena jintefgħux il-Belt u lkoll ikunu mlebilba biex jitilgħu sa Paceville. Fosthom mhux l-ewwel darba li tisma' li xi ħadd irnexxielu jiżgiċċa u jidħol f'xi bar jew ieħor.

Insomma, iż-żagħżagħ jistgħu faċilment jirrelataw mal-ġrajjiet ta' din is-sensiela filwaqt li l-adulti ħa jkollhom mera tad-dinja tal-lum, id-dinja żgħażugħa. Forsi wieħed jista' jgħid li mhux minn lenti daqshekk pożittiva fil-ħajja xejn mhu kollu pożittiv u kultant li tħares mil-lenti reali ta' x'qed toffri l-ħajja tal-lum taf ikollha aktar valur.

Kull min kien jaf lil Ineż qed isegwi mill-viċin ta' x'qed jingħad fil-midja. Jidher li hemm xi gwaj bejn il-ġenituri tagħha iżda dan qed iżżommuh 'il bogħod mill-għajn pubblika. Ommha b'messaġġ imqanqal fuq it-televiżjoni tagħmel appell filwaqt li ż-Żep, il-ġuvni li kienet toħroġ miegħu jispiċċa l-għassa interrogat!

Nissuġerulkom li tfittxu tidħlu fid-dinja ta' Ines (Kienet Perfetta) għax żgur ħa tiġbidilkom l-attenjonzjoni tagħkom u żżomkom issegwu t-tliet episodji... aħna ta' Gwida.mt ħerqana li nkomplu naraw x'ħa jiġri u kif ħa tiżvolġi l-istorja fl-episodju li jmiss.

Għal dawk li jixtiequ jingħaqdu f'din l-avventura ta' ŻiguŻajg importanti li tidħlu HAWN għal aktar informazzjoni.


Emil Calleja Bayliss