Proprju f'dan il-jum qaddis ta' Milied, aħna ta' Gwida.mt kellna ċ-ċans li nitkellmu mal-Mro. Mark Spiteri Lucas li s-sena li għaddiet rajnieh jipparteċipa fil-konkors Mużika Mużika.

Mark, x’differenza tara bejn il-Milied ta’ dari u l-Milied tal-lum? Żgur li tara differenza kbira bejn meta int kont għadek tfal u t-tifla tiegħek.

Sintendi kollox jimxi maż-żminijiet u kollox huwa relattiv. Madankollu l-Milied ta’ dari naħseb kien iktar sempliċi u konna nikkuntentaw ruħna bl-iżgħar affarijiet. M’għandniex xi ngħidu ġaladarba l-ħajja b’mod ġenerali evolviet u żviluppat b’ritmu mgħaġġel hekk feġġet it-teknoloġija, l-istess ġralu l-Milied.

Il-bumbardament kontinwu tal-media u d-dinja li saret tiffoka ħafna fuq l-aspett materjalistiku u kummerċjali qed iwasslu wkoll biex it-tfal saru jħarsu lejn dawn il-festi b’mod differenti minn kif konna narawhom aħna. Nażżarda ngħid li għal uħud is-sinifikat qed jintilfef u qed jispiċċa biss festa b’ħafna xinxilli li jgħammxu u jaljenaw, imma li meta tfittex fil-fond, qajla ssib sustanza.

Spiteri Lucas magħrufin ħafna għall-ispettakli li joffru tul is-sena, iżda l-Milied u lejlietu kif tippreferi tqattgħu?

Għal bosta snin fil-Milied u anke f’lejlet il-Milied kont indoqq f’diversi stabbilimenti u lukandi. Imma kien wasal żmien li naqta’ linja u ngawdi aktar lill-familja. U fil-fatt il-Milied inqisu bħala okkażjoni fejn inqatta’ aktar ħin mal-familja. Inġedded il-memorji ta’ tfuliti u napprezza s-sempliċità ta’ din il-festa li tant inħobb.

Tħobb tixtri r-rigali għal tal-familja jew inkella tħalli f’idejn ħaddieħor? Kien hemm xi rigal li qlajt li bqajt tiftakar?

It-tnejn. Nixtri u anke nħalli f’idejn ħaddiehor.

Bħala mużiċist u kantant, liem kanzunetta tal-Milied verament iddejqek u liema kanzunetta tal-Milied verament tħobb? Hemm xi raġuni wara dan.

Iddejjaqni għax ma nqisiex kanzunetta b’lirika tal-Milied il-kanzunetta Last Christmas tal-Wham. Jogħġbuni ħafna kanzunetti. Bħala carol għandek Silent Night li tibqa’ ikona. Imbagħad bħala kanzunetti tal-Milied għandek White Christmas, Have Yourself a Merry Little Christmas u anke l-kanzunetta b’lirika simbolu tal-Milied – Happy Christmas (War is Over).

Kieku jkollok iċ-ċans li tgħaddi l-Milied barra minn xtutna fejn tagħżel? Qatt għażilt li tagħmel dan?

Ma tantx inħobb insiefer fi żmien il-Milied. Inħobb inkun hawnhekk preżenti niltaqa’ mal-familjari u mal-ħbieb. Imma li kieku jkolli nsiefer togħġobni Lapland.

Mark jagħlaq b'messaġġ qasir lill-qarrejja tagħna fejn jgħid, "Il-Milied mhux biss il-25 ta’ Dicembru. Importanti li l-Milied nghixuh matul is-sena kollha. Dak huwa l-vera sinifikat tal-Milied."


Emil Calleja Bayliss