Fuq il-paġna ta' San Anton School ġie ppubblikat messaġġ twil, mill-qalb, sentimentali u emozzjonali biex isellmu l-memorja tal-eks studenta Heide Fitzgerald nee Bonnici. Jiddeskrivuha bħala persuna li kienet ħabiba vera, dħulija, "maħbuba u rrispettata", u ser tibqa' mfakkra għall-qalb tad-deheb li kienet taqsam mal-kollegi tagħha.

Il-messaġġ fuq il-paġna inkiteb f'isem il-ħbieb u eks kollegi kollha tagħha. L-eks kollegi tal-klassi tagħha kollha kelma waħda, dwar kemm tilfu persuna ġenwina, li tant għamlet is-snin tagħhom ġewwa l-iskola San Anton, esperjenza mill-isbaħ. L-eks studenti kienu jżommu kuntatt ma' xulxin permezz ta' Whatsapp fejn kienu jaqsmu diversi ritratti u memorji sbieħ. Madankollu, ħadd ma basar li ser ikunu qed jaqsmu l-aħbar li ħallietna Heide. 

"Hekk kif l-għażiża ħabiba tiegħi Lara bagħtet dak il-kliem ta' dieqa lill-grupp tagħna, ġab miegħu għargħar ta' messaġġi mimlija kompassjoni, imħabba, dwejjaq, tifkiriet u niket. M'hemm l-ebda kliem li jesprimi n-niket li tħoss meta titlef persuna li kienet parti mill-memorji tat-tfulija tiegħek, titkellem miegħek għal sigħat sħaħa fuq xejn u fuq kollox u sempliċement tħobbok talli tkun dak li int."

Strieħ fis-sliem għażiża. Noffru l-kondoljanzi tagħna lill-familjari, qraba u ħbieb.


Kyle Zarb