Wasalna għall-aħar artiklu ta’ din is-serje b’kollaborazzjoni ma’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija. Araw x’kellom jgħidulna dawn l-artisti dwar is-sena l-ġdida. Ara x'kellhom x'jgħidulna!

Janvil u Jade Vella ħa jkunu qed jinterpretaw il-kanzunetta Binti fuq mużika ta' Richard Micallef u kliem ta' Roberta Magri.

Huma qalulna, "Żgur l-ewwel xewqa hi probabilment ix-xewqa ta’ kulħadd; li kemm jista’ jkun malajr neħilsu minn dan il-virus għas-saħħa ta’ kulħadd u nispera li ma jgħollix rasu u jieħu xi forma oħra aktar b’saħħita! Jien li għaddejt minnha nibża’ ħafna."

Ian jistqarr, "Binti u jien, dejjem ikollna dik l-isfida tad-dieta, però din is-sena ħsibnielu qabel u s’issa jkolli ngħid li mexjin. Ħaġa oħra li nixtiequ hi li jkollna l-ħin li naħdmu fuq aktar mużika! Awguri mill-qalb lil kulħadd."

Fabrizio Faniello ħa jkunu qed jinterpreta l-kanzunetta Fjamma fuq mużika ta' Philip Vella u kliem ta' Emil Calleja Bayliss.

Fabirizio jibda billi jgħid, "Nittamaw li 2021 tkun waħda aħjar mis-sena 2020 u nemmen li bl-għajnuna ta' kulħadd, billi kulħadd jagħti l-biċċa tiegħu, noħorġu minn din il-pandemija lkoll flimkien."

B'mod onest jistqarr, "Riżoluzzjonijiet ma tantx jien xi wieħed li nagħmel però ovvjament dejjem nibqa' naħdem fuqi innifsi biex inkompli nissaħaħ kemm jista' jkun u nibqa' miexi ħajja kemm jista' jkun trankwilla u fil-paċi."

Hu jagħlaq billi jgħid, "Bħala affarijiet li għadni qatt ma għamilt u nixtieq nagħmel, naħseb bil-grazzja tal-Mulej għamilt ħafna affarijiet diġà, però li kelli nsemmi xi ħaġa, hi li noħroġ album ieħor b'differenza u din id-darba jkun b'kanzunetti ta' qima u tifħir lill-Ħallieq."

Christian Arding ħa jkunu qed jinterpreta l-kanzunetta Għajjejt Inħobb fuq mużika ta' Gilbert Camilleri u kliem ta' Rita Pace.

Christian jittama, "Ovvjament jekk dejjem jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid, ser jerġa’ jiżdied ix-xogħol li ma sarx fl-2020 u li ġie pospost għas-sena 2021 u li r-rota terġa’ tibda ddur."

Hu jkompli, "Għalkemm mhux xi wieħed li naħseb ħafna fit-tul, xi ħaġa li għadni qatt m'għamilt hi li nixtieq nirrealizza l-proġetti li għandi f'moħħi u li diġà bdejt nipproduċi fil-qasam tat-televiżjoni Maltija."

Charisse Anne Vassallo ħa tkun qed tinterpreta l-kanzunetta Għal Dan Il-Lejl fuq mużika ta' Mark Spiteri Lucas u kliem ta' Emil Calleja Bayliss.

Charisse ottimista, "Fis-sena 2021, nispera li l-ħajja għad-dinja kollha tibda tmur iżjed għall-aħjar sabiex inkunu nistgħu nibdew ngħixu n-normalità."

B'mod sinċier tgħid, "Nispera li bħala studenta, jibda jkolli l-opportunità li nibda nattendi l-iskola fiżikament b'mod regolari u niltaqa’ ma' ħafna studenti li għadni qatt ma rajt s'issa. Fil-qasam tal-kant, nittama li nkompli navvanza u li jkolli l-opportunità li xi darba immur nitgħallem barra minn Malta."

Danica Muscat ħa tkun qed tinterpreta l-kanzunetta Għażiż fuq mużika ta' Cyprian Cassar u kliem ta' Emil Calleja Bayliss.

Danica tgħidilna, "Nittama li kulħadd ikollu sena ħafna aktar pożittiva minn dik li għadha kemm spiċċat, għaliex konvinta li s-sena 2020 affettwat lil diversi nies b’mod negattiv."

Hi tkompli tgħid, "Nispera li jkolli sena fejn il-ħin mal-familja tiegħi, speċjalment mat-tifel jiżdied, apparti li nkompli nagħmel dak li nħobb nagħmel, u li ma tantx stajt nagħmel, inkanta quddiem udjenzi numerużi.

Grazzi talli kontu magħna għal dawn is-serja ta’ artikli. Nittamaw li sirtu tafu lill-artisti ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija ftit aktar mill-qrib. Nawguraw is-sena t-tajba lil kulħadd! Għal aktar informazzjoni żur is-sit ta' Mużika Mużika billi tagħfas HAWN.


Anthony Baldacchino