Il-kantanta lokali Gaia Cauchi hi wkoll waħda mill-parteċipanti ta' Mużika Mużika! Hi se tkun qed tikkompeti ġo festival lokali għall-ewwel darba wara diversi snin! Gwida.mt staqsa lil Gaia dwar il-parteċipazzjoni tagħha, kif ukoll dwar il-preparamenti li għaddejjin, il-kanzunetta tagħha u kif ukoll dwarha nnifisha bħala artista.

Kif nistgħu ma nsemmux ma’ din il-kantanta l-ewwel rebħa li Malta qatt kellha fid-dinja tal-Eurovision. 9 snin ilu Gaia ġabet lura fi xtutna t-trofew tal-Junior Eurovision 2013. Aħna staqsejnieha dwar din l-esperjenza.

“Il-Junior Eurovision kienet waħda minn dawk l-esperjenzi li nikber kemm nikber u jgħaddi kemm jgħaddi żmien, ħa nibqa’ ngħożżha u nkun grata għal dejjem. Inħoss li dik l-esperjenza bidlitli ħajti sa ċertu punt, u għenitni ħafna fil-karriera tiegħi.

Ovvjament Gaia ta’ 11-il sena u Gaia ta’ 19-il sena m’għadhomx l-istess persuna, għax li tkun fix-xena tal-mużika tgħinek f’ħafna affarijiet." "Inħoss li kieku m’għaddejtx minn dak kollu li għaddejt minnu bħal esperjenzi tal-ħajja, kummenti fuq il-midja soċjali, kritika eċċ... ma naħsibx li kieku jien il-Gaia li jien illum. 

Il-ħażin u t-tajjeb kollu li ġabet magħha dik l-esperjenza, għenitni biex inkun iktar b’saħħti llum il-ġurnata.” Gaia spjegat kemm hi prezzjuża għaliha li tinterpreta kanzunetta li ħolqot hi stess, li forsi anke jista’ jkun tesprimi xi ħaġa personali fiha.

“Hija iktar faċli li tkanta diska oriġinali milli diska ta’ ħaddieħor, għax qatt ma tkun smajt kif għamilha ħadd ieħor qablek, allura l-emozzjonijiet u l-mod kif tkanta d-diska ħa jkunu kollha oriġinali. Hija ħafna isbaħ imbaghad li tkanta diska li tkun ktibt int stess għax tkun esprimejt ruħek bil-lirika kif ukoll emozzjonalment.”

hg

 Nistgħu ngħidu li Gaia hi artista b’esperjenza kbira fix-xena tal-ispettaklu, hekk kif anke kkompetiet fuq livell internazzjonali. Staqsejnieha x’taħseb dwar l-element ta’ kompetizzjoni u x’forsi jbeżżagħha kultant. “Ma jbeżżagħni xejn minn kompetizzjoni, anzi nieħu gost biha.

"Togħġobni l-adrenalina u s-suspans ta’ qabel ma tkun tiela’ fuq il-palk jew waqt li tkun qed tistenna r-riżultat. Jien naħseb li f’kompetizzjoni għandek tidħol għalik innifsek u biex tagħmel lilek innifsek kburi mhux biex tirbaħ u tmur aħjar minn ħaddieħor (b'pika).” 

"Għalkemm forsi rari narawha tkanta bil-lingwa Maltija, skoprejna li għal Gaia Mużika Mużika mhux se tkun l-ewwel darba!” "Ma naħsibx li ħafna jafu però ilni nkanta bil-lingwa Maltija minn mindu kelli 8 snin. Issa għandi ħames diski oriġinali bil-Malti, però kont ilni ma noħrog diska bil-lingwa tagħna."

Dejjem ħdimt mal-istess awtur - Stephen Baldacchino, u din is-sena ukoll kitibli d-diska ta’ Mużika Mużika Kewkba Feġġejja.  Gaia kellmitna wkoll dwar dak li tgħallmet tul il-karriera mużikali tagħha. “L-industrija tal-muzika u tal-ispettaklu mhux dejjem hija sabiħa."

"Għalkemm tkun ħerqana biex tkanta l-materjal ġdid tiegħek jew ħa toħroġ xi diska ġdida, jew ħa tiltaqa’ ma’ kantanti oħra, dejjem ħa ssib lil dak ix-xi ħadd li jitfgħek l’isfel bi kliem mhux addattat."

gf

"Madanakollu nħoss li maż-żmien issir iktar faċli biex dawn il-kummenti ma tagħtix kashom, jew iweġġgħuk xi ftit inqas minn qabel. Inħoss li dejjem tikber u titgħallem mill-iżbalji tiegħek kif ukoll ta’ ħaddieħor. Jien għenitni nimmatura iktar malajr.” 

Finalment, ma’ Gaia kellna ċans nitkellmu dwar il-kanzunetta li qed tipparteċipa biha f’Mużika Mużika. “Nibtet u nħadmet fuq l-esperjenzi kurrenti tal-ħajja, speċjalment fi żmien iż-żogħżija. Fuq dak kollu li ngħaddu minnu. It-titlu wkoll juri dan il-vjaġġ kontinwu, l-istess bħall-Kewkba Feggejja li ma tieqaf qatt!

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta. 


Kyle Zarb