Il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ 2023 tant mistenni ta’ ŻiguŻajg, li huwa wkoll ċelebrazzjoni annwali tal-arti għat-tfal, jirritorna għat-13-il edizzjoni tiegħu! Il-festival, magħruf għall-impenn tiegħu lejn l-eċċellenza artistika u l-aċċessibbiltà għal kulħadd, ser jibda mill-10 sad-19 ta’ Novembru, u ser ikun qed ibiddel il-Belt Valletta f’bitħa ta’ kreattività u faxxinu totali.

ŻiguŻajg, magħruf għall-firxa wiesgħa ta’ wirjiet artistiċi mfassla għal tfal li l-età tagħhom tvarja minn 0 sa 10 snin, iwiegħed esperjenza liema bħalha li tinvolvi r-reċtar, iż-żfin, il-kant, il-mima u ħafna iktar. Il-festival joffri għażla vasta ta’ wirjiet li jolqtu l-qlub u l-imħuħ taż-żgħażagħ, u li jħalluhom b’memorji fuq il-maġija tal-arti li jibqgħu jġorru tul ħajjithom kollha.

B’firxa ta’ wirjiet artistiċi, il-Festival ta’ ŻiguŻajg ser jittrasforma l-Belt Valletta f’palk li jkunu jistgħu jgawduh tfal ta’ kull età. Minn drammi li jolqtu lil kulħadd għal żfin attraenti u kanzunetti ferriħin, il-festival ser joffri xi ħaġa għall-immaġinazzjoni ta’ kull tifel u tifla.

F’konformità mal-impenn lejn l-inklussività, ŻiguŻajg ser ikun qed joffri spettakli li jirrispettaw is-sensittività tas-sensi. Dawn l-attivitajiet huma ppjanati b’ħafna ħsieb sabiex ikunu jistgħu jakkomodaw lit-tfal li għandhom xi sensittività tas-sensi, filwaqt li jiżguraw li kulħadd ikun jista’ jipparteċipa fil-maġija tal-arti.

Il-Festival ta’ ŻiguŻajg jagħraf is-sinifikat profond tal-arti fl-iżvilupp tat-tfal. L-arti għandha s-setgħa li tqanqal l-immaġinazzjoni, li trawwem l-empatija, u li tinkoraġġixxi l-espressjoni personali ta’ dak li jkun. Permezz tal-esponiment tat-tfal għall-firxa wiesgħa tal-forom artistiċi, il-festival mhux biss ser ikun ta’ divertiment, iżda ser ikun ukoll edukattiv, u ser ikun qed jgħin fit-tkabbir u l-iżvilupp tal-imħuħ taż-żgħażagħ b’modi uniċi.

Dr. Lydia Abela, il-patruna tal-Festival ta’ ŻiguŻajg, enfasizzat li l-programm ta’ din is-sena għadda minn tkabbir sinifikanti fl-offerti atistiċi tiegħu. Hija affermat b’passjoni li “l-arti u l-kultura huma l-pedamenti tal-identità tagħna u permezz ta’ dan il-festival, qed inrawmu konnessjoni profonda u dejjiema bejn it-tfal u d-dinja tal-arti u l-kultura mill-ewwel snin tagħhom.” Dr Abela enfasizzat r-rwol ċentrali li l-arti għandu jkollu fl-edukazzjoni u t-tkabbir personali tat-tfal, filwaqt li enfasizzat li l-Festival ta’ ŻiguŻajg qed jipprovdi aċċess imprezzabbli għal din l-esperjenza trasformattiva.

Rupert Cefai, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Kreattività, enfasizza l-mod li bih il-festival jiċċelebra l-arti, l-immaġinazzjoni, u l-potenzjal bla limitu tat-tfal. “Din it-13-il edizzjoni twiegħed li tkun l-iktar waħda affaxxinanti, li ser iġġib magħha għadd kbir ta’ spettakli u esperjenzi li jħajru lit-tfal ta’ kull età.” Il-festival joħloq spazju li fih it-tfal jistgħu jesploraw forom artistiċi differenti, jinteraġixxu mal-artisti u jsibu l-passjoni vera tagħhom.” Iħeġġeġ ukoll ambjent li fih il-kreattività m’għandha l-ebda limitu, u fejn il-ħolm jista’ jiġi megħjun isir realtà minn età bikrija ħafna.

Id-Direttriċi tal-Festival ta’ ŻiguŻajg, Marta Vella, issottolinjat l-importanza li għandu l-festival għat-tfal kollha li jattendu. Hija tistqarr li dan “jiżgura li kull tifel u tifla, irrilevanti mill-isfond jew mill-kapaċitajiet tagħhom, jistgħu jieħdu sehem fil-qawwa trasformattiva tal-espressjoni artistika”.

Il-festival joħloq spazju li fih it-tfal jistgħu jesploraw forom artistiċi differenti, jinteraġixxu mal-artisti u jsibu l-passjoni vera tagħhom. Iħeġġeġ ukoll ambjent li fih il-kreattività m’għandha l-ebda limitu, u fejn il-ħolm jista’ jsir realtà minn età bikrija ħafna.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Festival ta’ ŻiguŻajg 2023 u biex tixtri l-biljetti, żur http://www.ziguzajg.org. Sadanittant, illum qed inħabbru wkoll li s-Sejħa għall-Proposti ta' ŻiguŻajg 2024/2025 hija miftuħa mill-Ġimgħa 10 ta’ Novembru 2023 sal-Erbgħa 20 ta’ Diċembru 2023 sa nofsinhar.

F'dan ir-rigward qed insejħu lill-kreattivi kollha biex jaqsmu magħna kwalunkwe ideat għal proġetti, li jiġu kkunsidrati għall-Festival ta' ŻiguŻajg jew għall-Istaġun ta’ ŻiguŻajg li jmiss u l-proġetti magħżula se jkunu parti minn programm ta’ avvenimenti kkurat. Għal aktar informazzjoni żuru https://ziguzajg.org/call-for-proposals-zz/


Gwida.mt